Dak l-imbierek televixin!

 


Niftakar sew li hekk kif kont nasal id-dar mil-iskola, kien ikolli ġenn sabiex inlesti ix-xogħol kollu li kien ikolli, sabiex qabel nitlaq għal lezzjoni tal-mużew, nixgħel it-televixin u nara l-karattri li tant kont inħobb.  Dak iż-żmien kull cartoons u kull forma ta' programm tat-tfal għid li konna nkunu nafuhom bl-amment.  Ħafna minnha rnexxielna ftit ftit nitgħalmu wkoll it-Taljan bis-saħħa tagħhom... iġifieri sa ċerta punt ma kienx ħela ta' ħin!

L-istazzjon Nazzjonali qabel il-ħamsa ta' wara nofsinhar ma kienx jibda', u meta jibda' kienu jkunu biss produzzjonijiet lokali u ma kienux iqajjmu fina interess daqs il-cartoons ġappuniżi fuq l-istazzjonijiet Taljani.  L-aqwa cartoons kienu jintwerew waqt xi Bim Bum Bam jew fuq Ciao Ciao...u konna nittamaw li ma jkunx mtextex ma mmorrux nitilfu xi puntata, ġaladarba dawn kienu f'forma ta' serje u ħafna drabi puntata torbot ma' oħra.

Kien hemm distinzzjoni anke fil-klassi.  Is-subien kellna l-klassiċi tagħna, Holly e Benji... Lupin... Uomo Tigre...Captain Harlock...u fuq kollox dawk tar-robots, bħal Mazinga Zeta u Goldrake.  Il-bniet kellhom tagħhom ukoll... Candy Candy... Pollon...Kiss me Licia...u oħrajn, għax jekk insemmijhom kollha tgħiduli li kont nara tal-bniet ukoll.  Xi ħaġa hekk ridt toqgħod attent li ma tiġrix l-iskola, għax malajr taqla' tikketta li qed issegwi cartoons tal-bniet!

Imma fir-realta' konna nsegwu kollox, anke' jekk forsi ma konniex nitkellmu li narawhom.  Fuq kollox kien hemm dejjem dawk li jintgħoġbu mit-tnejn....Lady Oscar....Occhi di Gatto...Sampei...Remi...imsomma, kellna biżżejjed sabiex nintilfu tassew quddiem dik il-kaxxa, probabbilment bla kulur, imma xorta konna nibqgħu nsegwu b'attenzjoni kbira.

Storja wara l-oħra u dejjem insibu x'nirrakuntaw u fuq kollox anke fil-logħob kont tinduna l-influenza li kienu jħallu fuqna.  Min jagħmel il-mossi tal-Uomo Tigre u juri kemm jaf, xi ieħor jaqbeż qabża mil-għoli tipo Mazinga u xi tifla tilgħab b'xagħra qisha Lady Oscar.  

Imma għalina dawn il-cartoons kienu ukoll raġuni ta' fantasija, avolja konna nafu li huma biss tpinġijiet.  Minn hemm konna nispiċċaw ukoll nirrakkuntaw fuq l-ilbies issikkat ta' Shiela, Tati u Kelly waqt xi serqa, u fuq il-bewsa twila bejn Lady Oscar u n-namrat sigriet tagħha Andre'.  Imsomma fantasija ta' subien imqarbin, li dawn ix-xeni kienu l-uniċi li stajna naraw f'dak il-ħin tal-ġurnata!

F'ħakka t'għajn kien itir il-ħin, u jsir ħin il-lezzjoni tal-mużew...u hemm r-rakkonti kienu jkomplu!



Comments