Waqgħet it-taraġ!

 


Waqgħa tajba ma tafx kif tiġik.  Taf tiġi tajjeb, imma taf tibqa' tal-post.  Pero' il-waqgħat fi tfuliti ma kienux xi ħaġa ta' barra minn hawn, anzi nista' ngħid li kienu xi ħaġa frekwenti.  Logħba futbol ma kienet tfisser xejn jekk ma tmurx id-dar b'xi xebgħa grif u daqqiet.  Logħba noli ma kienet tkun sewwa, kieku bqajt mingħajr it-trab fuq it-tracksuit sakemm titkaxkar għal fuq xi ħarruba forsi ma jarak ħadd.

U kull darba wara xi tkaxkira tajba, għid li kont ser nispiċċa d-dar b'xi dilka spirtu isfar u ħafna faxex forsi dawk il-feriti ma jiddennewx.  Umbgħad jibda' l-uġiegħ f'nofs ta' lejl, u la stajt niċċaqlaq u wisq inqas nitqalleb u nsib kwiet, imma kien ikolli wiċċ ta' sodisfazzjon li ħadt pjaċir, l-aktar li dik it-tkaxkira kienet tfisser xi gowl sabiħ!  Mil-iskola ma kontx noħroġ b'inqas.  Trid tarana, lili u lil sħabi, deħlin fil-klassi wara l-brejk ta' nofsinhar.  Min bil-qmis barra, min jilgħeġġ għal ftit nifs, u min ħiereġ minnu għaraq ta' barra minn hawn... biżżejjed biex inħallu l-għalliem jittama li għal lezzjoni tiegħu ma jispiċċax kulħadd rieqed!  Imsomma, din is-sitwazzjoni kienet xi ħaġa li tiġri sikwit.

Kien jiġri ukoll pero' li darba fil-ġimgħa n-Nanna tiġi tqatta' ġurnata magħna d-dar, allura x-xena tiegħi ġej wara l-iskola qisni għadni ġej mil-battalja ta' Waterloo, kienet komuni ukoll.  Xi tbenġila u girfa ġdida ma kienux jonqsu.

Dan kien iwassal biex in-Nanna ntiha qata' tajba tarani dieħel hekk, tant li kienet tibda' tgħid it-talb kollu li kienet taf, issemmi l-qaddisin kollha u kieku setgħet tixgħel xi xemgħat, ħalli dawk it-tbenġil, griff, feriti u x'naf jien ma kollomx effetti ulterjuri, u li jfittxu jfiequ kemm jista' jkun malajr.  Kull darba jien naqleb għajnejja, u ngħidilha biex ma toqgħodx tinkwieta u li ma jkun ġara xejn... ndur lura lejn kamarti, u fl-isfond kont nisma' aktar talb, radd tas-salib u elf wedgħa oħra... kont drajtha r-rutina!

Ġara darba minnhom li nzertajt kont għal xi qadja ma' Nannti, u waqfet f'konversazzjoni minn dawk li ma taqta' b'xejn ma' xi ħabiba tagħha.  Kemm ser iddum tilgħab b'subajk, la darba ma stajtx inkun bogħod aktar minn metru minnha.  B'xi mod kont nipprova nsegwi fuq x'imniefaħ qed jitkellmu forsi nifhem xi ħaġa.  Ġaladarba, l-kliem bħaċ-ċirasa, u argument iqajjem ieħor, din li kienet għarfet lin-Nanna li t-tifla ta' bintha 'waqgħet t-taraġ'...  għidt bejni u bejn ruħi ajma u miskina jaħasra, u ara x'ser tkun r-reazzjoni tan-Nanna la darba magħha ma setgħax ikollok lanqas barxa żgħira.  Minflok, in-Nanna kważi qabżet bil-ferħ u dlonk bdiet tifirħilha għax Alla jbierek laħaqha ukoll lil dik it-tfajla żgħira.

Kien xokk għalija...din in-Nanna li għal barxa f'irkoppti kienet tniżżel il-Qaddisin kollha ħalli jfejquni, u din il-povra tifla, għax 'waqgħet it-taraġ' ser ngħidulha prosit u kemm qed tieħu gost bl-aħbar?

Domt ħafna biex fihmt lin-Nanna u r-reazjoni tagħha dakinhar, u fuq kollox biex wasalt għat-tifsira ta' dak kollu.

Pero' niftakar ċar li dakinhar filgħaxija, qabel irqadt, kont għidt talba ċkejna għal dik it-tifla, biex la darba 'waqgħet it-taraġ'.... ma jkun ġrala xejn gravi, u sabiex dawk il-Qaddisin li s-soltu jgħinu lili nfieq minn xi tkaxkira, din id-darba, jgħinu lilha!




Comments