Il-kotba mil-librerija tal-iskola

 


Niftakar meta kienet tibda' s-sena skolastika, fost il-ħafna affarijiet li konna ngħaddu minnhom fl-ewwel ġranet, kien dak il-mument li jibdew jsejħulna klassi klassi sabiex immorru l-librerija ħalli niġbru l-kotba li għandna bżonn.  Kien żmien li kien rari li kont tintalab tixtri ktieb minn butek (jew eżattament, but missierek), allura fiha innifisha, anke jekk kont taf li kien ktieb misluf, xorta kienet tkun xi ħaġa li nistennewha b'ċerta ħeġġa.

Fuq kollox, dan il-proċess annwali, kellu ukoll mumenti li kienu partikulari.  Fis-sekondarja tiegħi, esperjenzajt il-librerija tal-Liceo Vassalli Tal-Ħandaq, li għal żmienha, naħseb kienet unika.  Apparti li minn dejjem kellha funzjoni ta' librerija, anke minn żmien is-servizzi ingliżi, l-post kien mqassam u mdawwal tajjeb ħafna.  Hemm ġew kont issib tfal li riedu jaġarbu l-ġenn tal-brejk, jew dawk li ma jinteressahomx il-futbol, jew kien mezz kif tfittex ktieb interessanti.  U għal skola, kien hemm għażla kbira.  L-istess post kultant żmien kien jintuża bħala klassi għal għalliem tal-istorja u studju soċjali, li kien ukoll jaqdi dmiru bħala librar tal-iskola.

Pero', fl-ewwel ġranet tal-iskola, għalina l-istudenti l-ewwel relazzjoni mal-librerija kienet l-għoti (jew is-self) tal-kotba.  Fuq kollox, kont tittama li l-kotba ikunu kemm jista' jkun ġodda, u mhux kif tiftħu jiġi f'idejk folja folja.  Ma kienetx l-ewwel darba li meta tasal d-dar kont tispiċċa b'ruxmata tejp tipprova tgħaqqad sekwenza ta' paġni wara xuxlin.  Pero' kien ikun hemm żmien meta l-ktieb kien ikun ġdid fjamant, u dik ir-riħa ta' ktieb ġdid kienet tintgħoġob minn kulħadd.

Ħafna drabi konna nispiċċaw bil-qiegħda nistennew isimna ħalli mmorru f'kamra oħra, fejn il-librar flimkien ma xi assistenti, kienu jlestu mazz kotba ġmielu u li kollha f'daqqa trid iġġorrhom lura d-dar.  Tara xi tifel mobbi sa mnieħru ser jaqa' u ma jaqax, u tgħid ġejja tiegħi.  Fl-aħħar, tisma' ismek, tmur u tiġbor...

Macbeth....jew Merchant of Venice....Lord of the Flies... Ġrajjet Malta... Dove il si suona... Salib tal-Fidda... il-Ħadd fuq il-Bejt, jew xi rumanz ieħor ta' Francis Ebejer.... Qawsalla...xi ktieb daqsiex tal-Matematika....u ktieb tax-Xjenza fost l-oħrajn.  Dan tal-aħħar kellu fama' tajba fost l-istudenti, specjalment dawk tal-ewwel sena tas-sekondarja.  F'leħħa ta' berqa kienet tibda' tiġri l-kelma sabiex kulħadd ifittex paġna partikulari, li kellha tpinġija (mhux ritratt) ta' raġel u mara għarwenin ħuta!  Fuq kollox kienktieb tax-xjenza... imma xorta għaa sħiħ u evidenti li tal-eta' tagħna u mezzi limitati, qatt ma konna rajna xi ħaġa hekk... u jekk kont tkun beżżul għid li ser issib dik il-paġna nieqsa għax ta' qablek seraqha, jew inkella kont issibha mħażża, u tispiċċa lanqas dik in-naqra stampa ma tara! 

Il-bqija, kif kien jgħaddi dak il-mumenti tista' tgħidlu ta' temperatura għolja, kulħadd kien jibda' jqalleb il-kotba l-oħra.  Kien ikun hemm min isibu miksi pulit lest, kull ma jkun jonqsu jbiddel ismu fuq quddiem.  Min ifittex xi label ħalli jara min kien issellfu qablu, min isib xi bookmark jew santa bejn paġna u oħra, min xi tpinġija żejda ta min forsi ħassu mdejjaq waqt xi lezzjoni, u min jkun diġa beda jeqred forsi l-librar iħenn għalih għax il-ktieb tiegħu ragħad u nieżel biċċa biċċa.

Wara hemm konna nitilqu lura għal klassi filliera waħda kollha mgħobbijin b'dawn il-kotba, li fuq kollox ridna nibżgħu għalijhom ħalli fl-aħħar tas-sena jingħaddew lura għal dawk l-istudenti ta' warajna...

...u kif naslu d-dar jibda' rit ieħor.  Dak tal-ħafna brown paper, plastik u ħafna kisi sabiex dawk il-kotba jkollom sura u fuq kollox jintgħarfu li tiegħek... għal dik is-sena!

Comments