Il-Kor tal-iskola!

 


Niftakar meta ta' kull filgħodu, l-iskola konna nistembħu bil-kant ta' Reġa sebaħ ja Mulejja, u l-kant tal-Innu Malti u b'xi tifel jew tifla tintgħażel sabiex ittella' l-bandiera ma' arblu ruħ ommu fi snienu. Arblu li kulħadd kien qed jistenna li xi darba jew oħra, ser jinżel fuq ras xi ħadd.  Imsomma, darba minnhom, jidher li waqt li kien qed jismana kollha nkantaw, nofsna qisna qtates f'nofs saħna ta' Jannar, is-Surmast kienet ġietu l-idea li jwaqqaf il-kor tal-iskola.

Il-ħsieb kien f'waqtu, aktar u aktar meta fi ftit ġimgħat kien ser jittella' Jum il-Premjazzjoni, li bħal kull sena kien isir fil-bitħa tal-iskola. Kif jiġri sal-ġurnata tal-llum, l-iskejjel kienu jorganizzaw dan il-jum għal dawk l-istudenti li fis-sena akkademika ta' qabel kienu jmorru tajjeb fl-eżamijiet.  Jien, ma tantx kelli okkażjonijiet li nkun fuq in-naħa li nirċievi xi premju, aktar u aktar meta sabiex inlesti l-homework dejjem kont nagħti kedda tajba lil missieri u ommi.

L-għalliema li kienet intgħażlet biex tmexxi dan il-kor kienet Miss Buttiġieġ, li ftit snin qabel inzertajt kont fil-klassi tagħha, u li għalija kienet tfisser il-ħafna homework li kont nagħmel magħha, u t-tagħlim tat-tables kollha bl-amment!  Kont nieħu qata' li sal-lejl ta' qabel għadni għaddej fil-kuridur niprova ndaħħal f'moħħi dawk it-tabelli kollha ġo moħħi.  

Din l-għalliema kienet waslet lejn l-irtirar (mhux għax kont naf xi tfisser), allura l-aħħar ġranet ħadet dan l-inkarigu.  Qabdet iddur mal-klassijiet u tagħżel tfal għal dan il-famuż kor.  Ma niftakarx forma ta' auditions, imma naħseb l-għażla saret purament minn qalbha u fuq il-memorja li kellha tat-tfal li setgħu kienu fil-klassi tagħha.

Kif daħlet fil-klassi tagħna, għażlet erbgħa b'kollox, u wieħed minnhom jien!  Tistgħu taħsbu l-ferħ li kelli li kien ser jkolli x-xorti li nkun fil-Jum tal-Premjazzjoni xorta waħda.  Minn hemm 'il quddiem avżatna li għal xi ġranet il-brejk ta' nofsinhar kien iffisser li nissakru fil-klassi tagħha għal ftit provi ta' numru żgħir ta' siltiet mużikali.

Fi ftit tal-ġranet kienet waslet dik il-ġurnata speċjali, għalina lkoll.  Kollha kemm aħna bl-aqwa ħwejjeġ li jiffurmaw uniformi, u għal ftuħ ta' dik is-serata, spiċċajna kollha qaqoċċa f'nofs dik il-bitħa.  Il-ġenituri u l-mistidnin distinti lesti ħalli jisimgħu l-leħen anġeliku ħiereġ minn dawk it-tfal ħelwin.  Xi ħadd mil-ġenb xegħel id-diska u ressaq il-mikrofonu ħalli l-ħoss joħroġ aktar amplifikat.  Konna drajna sew li mas-sinjal tal-għalliema nibdew għaddejjin bl-ewwel vers u.....

Nassigrakom li ħanqa ta' ħmar u tinwieħa ta' kelb hija fjur ħdejna.  L-ewwel wieħed jien, li għal mużika kont biss tajjeb sabiex indoqqħa fuq ir-radju, imma mhux li noħroġha minn fommi.

Kif għadda dak il-ftit ħin ta' martirju għal dawk kollha preżenti, waqa' mument twil ta' silenzju mbarazzanti, u fl-aħħar, xi ħadd minn wara beda applaws, forsi ukoll b'sinjal ta' rispett lejn dik l-għalliema u l-isforz ġenwin tagħha li tagħmel opra minnha li ħadd ma kien magħqtuh għal kant professjonali.

Sal-llum għadni ma fihmtx il-ħarsa tagħha ta' dakinhar, kienetx waħda li tixtieq l-art tiblaha, jew li kienet kburija bina.  Li naf, li għalija kont kburi (u r-ritratt huwa l-prova!) li kont xorta fil-Jum tal-Premjazzjoni, u li fuq kollox kont parti mil-kor.... 

Kor, li s-sena ta' wara ma kienx reġa ssemma għal dik l-okkażjoni speċjali!





Comments

  1. Interessanti, il kanzunetta Maltija għand tibqa parti mil programm ta l-iskola, dan huwa il-folklor tagħna li għandna nozzu

    ReplyDelete

Post a Comment