Dawn il-ftit muniti għal karus!

 


"Dawn il-ftit muniti għal karus!"... dawn kienu l-kliem tan-Nanna kull darba li nkunu wasalna biex nitilqu, u tibda' tqalleb u tfittex f'naqra ta' portmoni li kellha.  Minn hemm kienet toħroġ xi ftit ċenteżmi u titfaħom f'idi flimkien ma xi wejfer żgħira tal-frawli, li minn din tal-aħħar kien ikollha stokk tajjeb għan-neputijiet kollha.

B'dawk il-ftit ċenteżmi qatt ma stajt insir miljunarju, pero' għalkemm kont żgħir kien iħossni sinjur żgħir il-fatt li kelli xi ħaġa tal-flus tiegħi.  Niftakar sew li għalkemm ma konniex qed ngħixu żmien ta'gwerra, xorta ma kienx żmien faċli għal pajjiżna.  Kien tassew żmien ieħor u li kien popolari tismagħhom jgħidu li importanti li nissikkaw ċ-ċinturin.  Avolja, għalijja dak iż-żmien din l-espressjoni qatt ma kont nifimha, għaliex kulħadd qed jibża li jgħaqalu l-qalziet, tant li kulħadd iffakkar f'dak il-qaħbeċ ta' ċinturin!

Imsomma, tul it-triq lejn id-dar, b'dawk il-ftit ċenteżmi f'idi, kulħadd kien jerġa' latanija waħda, sabiex kif naslu d-dar, dawk il-muniti riedu jmorru dritt għal ġol-karus.  Il-karus għadni niftakru sew... landa tal-kafe vojta b'xaqq magħqtuh raff fuq l-għatu tiegħu, u dejjem kont inżommu fuq l-iskrivanija.  Il-ħoss tal-muniti jaqgħu ġo fih, kien ikompli jixhed li fil-pussess tiegħi ma kellix għajr ftit ċenteżmi jiġru, nofshom akkumulati miż-żjajjar għand in-nanniet.

Ta' tfal li konna ma konniex niġru bil-flus fil-but.  Lanqas kont toħlomha li jkollok xi ħaġa ċċekċek fil-but, u jekk kien ikollok kienu jkunu ftit milleżmi għal meta tmur il-quddies u jiġi jiġbor is-sagristan.  Il-bqija, ma kont tissogra, speċjalment jekk ser tagħmel xi ġurnata tiġri barra.  Alla ħares kont titlef xi ċenteżmu, għax kienet ittik rasek iġennen it-tfal kollha sabiex jgħinuk tfittxu, ma tmurx tmur lura d-dar mingħajru.

Dan il-famuż karus kien ukoll fl-istess ħin tentazzjoni.  Fuq kollox kienu flusi, u li qlajthom jien, allura kont nirraġuna li stajt nagħmel bihom li rrid.  Kelli ukoll kurżita' li fuq kollox nara kemm kelli hemm ġew.  Mhux li kelli idea ta' valur tal-flus, għalija l-ammont kien in-numru ta' muniti aktar milli l-valur propja tagħhom.

Darba fors l-oħrajn, fettili niftaħ dan il-bott u kelli ftit muniti mhux ħażin.  Ma kienx imfawwar, imma kellu biżżejjed li nirraġuna li jekk ser nieħu ftit minnhom ma kienetx ser taqa' d-dinja!  U hekk għamilt, naf li ħadt xi ħames ċenteżmi b'kollox.  Tgħidli ħames ċenteżmi x'inhuma?  Kienu flus għal dak iż-żmien.  Tant kienu flus, li niftakar dakinhar konna sejrin Għawdex u ħadthom miegħi għax hemm stajt ingawdihom aktar bil-kwiet.  Hemm kont niġri aktar barra u allura kelli aktar ċans li nixtri dak li joġgħobni.

Niftakar sew, li bil-kemm ilħaqqna wasalna li ma tlaqtx 'il barra.  Kienu drawni tad-dar li x-Xagħra kelli ħafna ħbieb.  Minn hemm mort ġirja l-pjazza għal għand il-Coronation Store, ħanut ċkejken li fil-vetrina tiegħu kont dejjem nilmaħ boċċi tal-ħġieġ minn dawk li jleqqu ħafna... umbgħad xi pakkett stickers tal-Panini, għax sħabi kollha kellhom xi ħaġa, umbgħad dritt għand tad-Dejduna.  F'dan id-daqsxejn ta' bar ċkejken niftakar kien hemm ċertu waħda Marija, li kienet dratni sew li minn wara l-bank kienet taqali żaqqi għal ħelu kollu li kien ikollha fil-vasetti tal-ħġieġ.

Tistgħu taħsbu x'xalata ta' ħelu għamilt b'dawk il-ftit muniti li ħadt... sakemm wasalt id-dar għax qlajt ċamata tajba, u ftit wara il-karus sparixxa u ma baqgħax jiġri fejn stajt narah jien.

Ma nafx x'kienet il-problema... mhux nissikkaw iċ-ċintorin kienu jgħidu?  Jekk niekol dak kollu li xtrajt u ħafna aktar ħelu miegħu, niħxien biss stajt u b'hekk l-qalziet xorta ma kienx ser jaqali!


Comments