Il-festin tal-Milied fil-klassi

 

Niftakar meta konna żgħar, il-festin (jew kif aħjar konna nafuh, il-party) tal-Milied, kien ħafna aktar differenti.  Illum il-ġurnata, milli sirt nisma', dawn il-festini biddlu ħafna mis-sempliċita' u l-ferħ li kienet iġġib magħha dik il-ġurnata.

Il-fatt li dakinhar konna ser immorru mingħajr uniformi, kien diġa fatt minnu nnifsu li kont inqum b'ċerta eċitament partikulari.  Forsi kienet tkun l-okkażjoni ukoll sabiex dakinhar ma tibqax biss mal-klikka tas-soltu, imma jkun mument li titħakkek xi ftit ma dik it-tifla li kien ikollok grazzja magħha, u li forsi għal okkażjoni tkun għamlet xagħarha differenti minn kif jitolbu r-regoli tal-iskola!  Bluha tat-tfulija, imma dawn affarijiet żgħar li għal tifel ta' inqas minn għaxar snin, kienu jfissru ħafna! 

Minn numru ta' ġranet qabel, l-għalliema kienet tibda' tqassam min ser jġib xiex għal dik il-ġurnata.  Jekk ma kienx jiġri hekk konna nispiċċaw b'ħafna popcorn u b'xi ruxmata bottijiet taz-zalzett, u xejn aktar.  Imma minn ċerta snin qabel, kienet daħlet drawwa li jkun hemm lista u titqassam bejnietna ħalli l-festin, la jkun hemm ħela u wisq anqas affarijiet nieqsa.

Fost l-affarijiet popolari dak iż-żmien kien ikun hemm xi ftit sandwiches, panini żgħar bit-tonn taż-żejt, pakketti kemm Alla ħalaq, xi squash tal-larinġ, pizez żgħar, zalzett tal-bott u xi ftit tal-cocounut balls jew xi naqra roly poly bil-ġamm.  Imbgħad kien hemm snin li jkollna magħna xi tifel li jkollu missieru pastizzar, u kien jġibilna xi turtiera żgħira bil-pastizzi żgħar.  U wara erħilna niftaħru mat-tfal l-oħra li fil-festin tagħna anke' pastizzi kellna...u addio healthy-food!

L-għalliema kienet taħsiblu ukoll sabiex il-ġurnata ta' qabel konna nibdew indawwru l-imwejjed madwar il-klassi kollha ħalli fin-nofs jibqa' spazju biżżejjed biex qabel jibda' l-ikel, isiru xi logħob żgħar ħalli aktar nimlew il-ħin.  Għal dan il-għan kienet iġġib magħha xi radju daqsiex biex dankollu iddoqq xi cassette tal-Milied.  U minn hemm jibda' l-logħob.

Ħafna drabi l-logħob kien jikkonsisti f'xi logħba musical chairs, li ngħid għalijja kont dejjem jew ninqala' mil-ewwel jew inkella nitlifha fl-aħħar ħin.  Wara din kienet titfa' diska tal-Milied, u kulħadd jiżfen u jisgijja qisna l-aqwa John Travolta fl-aqwa tiegħu.  Imbgħad xi logħba oħra, tipo pass the parcel u kulħadd jixtieq li r-rigal jieqaf għandu.  Tneħħi l-karta u ssib karta oħra, u tibqa' sejjer hekk sakemm fl-aħħar tinduna li dak il-premju ikun xi ċuċata ma tiswa' xejn... qares l-għeneb hux!

Meta l-enerġija tibda' tonqos, ċapċipa tal-għalliema u kulħadd isib postu fuq il-mejda tiegħu.  Nilbsu xi kappel mil-karti tat-tajr u jibda' jitqassam dak l-ikel kollu li semmejna.  Kont dejjem issib xi tifel li minn taħt tarah iżerżaq xi ħaġa fil-basket ħalli jiħodha miegħu d-dar, u xi ieħor li għalkemm infaqa', iddeċieda li jkompli jiekol... biex ftit wara tarah ibiddel il-kulur ta' wiċċu!

Imsomma, kien festin bomba li dejjem ixadinjajna u ħadna pjaċir u bla ebda regoli ta' xejn.  Fuq kollox konna għadna tfal u għalina iż-żmien tal-Milied kien dejjem stennija kbira u ferħ speċjalment meta jibdew jaslu r-rigali...

Issa tlaqna bil-vaganzi, u nipreparaw għal sena ġdida!



Comments