Niftakar meta kont żgħir, in-Nanna kienet tħobb tikteb lili u lil kuġini għal festin li kien jorganizza l-Kappillan fi żmien il-Milied. Bħal kull sena, kont immur bosta minnhom, jew tal-każin, jew il-mużew... imsomma kienu tradizzjoni li kont inkun ħerqan mhux ħażin għalihom. Pero, dan il-festin tal-Kappillan kien partikulari.
Il-festin kien dejjem ikun organizzat l-aħħar Sibt ta' qabel il-Milied. Normalment kien ikun vera kmieni, u peress li n-Nanna kienet toqgħod San Ġiljan, allura l-lejl ta' qabel kont inqattaw għandha. Id-dar tan-Nanna ma kienetx palazz imma kienet dar modesta li dejjem baqgħet f'qalbi. Kif setgħet, kienet tarma s-salott bi ftit tiżjin li kellha. Siġra u Bambin kienu jiddawru b'ħafna bozoz u ġulbiena, u fuqhom kienet iddendel kartolini kemm minn ta' dik is-sena u kemm minn snin passati. Il-presepju kien wieħed sempliċi. Kien xogħol in-Nannu, u n-Nanna kull sena kienet tarmah fejn il-bieb ta' barra. Fih kienu jintramaw ħafna pasturi folla sħiħa quddiem l-għar, qishom qegħdin għal xi corner meeting ta' żmien Mintoff! Magħhom kont nispiċċa nżid xi cowboy, indjani u xi suldat ġermaniż! Msomma, sakemm ma kienetx tinduna, għalija kienu qegħdin tajjeb! Bil-ħaqq...il-festin!
Ma sbieħ Alla, n-Nanna kienet tqajjimni ħalli nilħaq nieħu bela' kafe' daqs li kieku fejn sejjer ser nibqa' bi stonku vojt. Il-festin ħafna drabi kien isir fl-Orpheum Theatre, il-Gzira. Minħabba d-distanza, ħafna drabi konna ninżlu maz-ziju peress li kienu jiġu ukoll il-kuġini.
Is-sala kienet kbira, u tista' biss timaġina sala bħal dik mifquha tfal u min jiflaħ jgħajjat l-aktar. Il-povru Kappillan kien jiprova jżomm ftit ordni minn dak l-istorbju kollu, u jibda' jrodd is-salib u jipprova jgħid xi talba ċkejkna qabel jerġa' jibda' l-kaos. Bniet naħa u subien in-naħa l-oħra u int u dieħel jagħtuk biljett ħalli fl-aħħar tieħu r-rigal mingħand Father Christmas!
Bħal kull sena kien jitfa' film għaddej peress li s-sala fi żmien kienet talkies. Kull sena kien jintwera' il-film klassiku Clash of the Titans, il-verżjoni tal-1981, u probabilment iċċensurat! Film għaddej u sadatant bosta adulti jnewwlu u jqassmu l-ikel fil-fillieri kollha. F'dak il-ftit dlam tas-sala kont issib min jieħu l-okkażjoni u s-sandwich li jkollu kien jissuttah għal faċċata, u l-istess jiġri minn naħa l-oħra. Dan kien iwassal li f'nofs film l-attenzjoni aktar tispiċċa li ma tlaqqatx xi daqqa ta' pastizz, milli jekk Harry Hamlin hux ser jirnexxilu joqtol il-Medusa! F'dik ix-xita ta' ikel, il-Kappillan kien ħafna drabi jwaqqaf il-film u jipprova jċanfar xi tlieta fil-filliera ta' quddiem bl-iskop li kulħadd jibża minnu. Kull sena l-istess storja.
Kif jgħid Freddie Portelli, il-kbir dejjem ikun għadu ġej. Ftit wara, fuq il-palk, kien jitfaċċa Father Christmas, b'sinjal ukoll li l-festin kien ikun riesaq lejn tmiemu, jew inkella l-Kappillan għajja jew xeba' jħanbaq għalxejn. L-għajjat tat-tfal dak il-ħin kien xi ħaġa sopranaturali... min bl-eċitament, min għax spiċċa bil-qmis kollha tidlik ta' krema, u min għax jagħraf li Father Christmas mhu ħadd ħlief is-Sagristan... li bħal kull sena kien jispiċċa jibla' dak l-inkarigu li zgur mhux forsi ma kienx iħares lejh b'tant ħeġġa!
Minn hemm konna nibdew filliera semi-ordnata ħalli nirċievu r-rigal ċkejken u tispiċċa tati bil-minkeb biex ħadd ma jieħodlok postok. Bil-mod il-mod kif toqrob lejh, tibda' tara l-oħrajn lesti u diġa qattaw il-karta u tawk ħjiel sew ta' x'rigal qed jistennik. Kif kont nasal ħdejn Father Christmas, wara li nxomm r-riħa taqsam ta' sigaretti, kont narah jiġġebbed għal rigal mingħand l-assistent, li daqsu ftit kien ikollu aptit dak l-istorbju, u ieħor jaħtafli l-biljett minn idi ma mmurx nerġa ndur għal xi rigal ieħor.
Kienet il-farsa ta' kull sena, u wara li b'xi mod nerġaw niltaqaw il-kuġini, noħorġu u nibdew t-triq lura għal għand in-Nanna... nidku għal dak kollu li ġara u nistennew sena oħra għal farsa oħra!
Comments
Post a Comment