Ġurnata xita!

 


Niftakar meta konna nqumu l-Ħadd diġa b'xi pjan sabiex nagħmlu xi ġurnata fil-kampanja, u minflok nisbħu bix-xita.  U dik ix-xita ma konniex inħalluha twaqqafna milli xorta nieħdu pjaċir.

Ħafna drabi l-ewwel ħaġa li kont immur nagħmel kienet li nsib ftit karti użati u bi ftit paċenzja kont nibdilhom f'vapuri żgħar tal-karti.  Minn hemm kont immur fuq il-bankina nara l-wied tax-xita nieżel tul it-triq u hemm nagħmel tellieqa bejn dawn il-bċejjeċ tal-ilma li f'kemm ili ngħidlek kienu jitkaxkru 'l isfel.  Logħba sempliċi imma li magħha kont naħli ħin twil avolja waħdi.  Mal-ħin kont nirrealizza li l-qilla tax-xita kienet tibda tiżdied u magħha kont nispiċċa qisni fellus, bir-riskju li nibla' xi riħ tajjeb.

Ġaladarba il-ġurnata kienet tkun ġiet hekk, għid li ridna nsibu kif ngħaddu l-ħin.  Dan kien iwassal sabiex wara l-ikel konna kulħadd jibda' jisbarazza u dlonk naqilgħu l-logħob ta' fuq il-mejda.  Is-soltu storja li min irid logħba u min irid oħra, u xi wieħed bħali li nagħmel il-geddum li ma ntgħażlitx il-logħba li xtaqt.  Ħafna drabi konna nispiċċaw xi logħba Ludo jew inkella Monopoly, li sal-llum il-ġurnata ftit huma dawk li naf li din il-logħba tassew spiċċawha!

Logħba li bħal ħafna logħob ieħor, meta kont nixba' jew inkella nibda nitlef, għid li jew ser ntellef jew inkella nara kif ser nżerżaq xi karta żejda mil-mazz li kien jieħu ħsieb il-bankier.  Ma kienetx il-logħba favorita, qatt ma fihmta u ftit kienet tqajjem l-emozzjonijiet wisq aktar f'ġurnata sewda bil-maltemp.  Dan kien iwassal sabiex nibdlu l-logħob, u nispiċċaw b'xi logħba snakes and ladders.  Pass tal-logħba kien aktar mexxej u fuq kollox konna dejjem nispiċċaw nidku aktar naraw lil xi ħadd li għodu wasal fl-aħħar u jispiċċa jitkaxkar lura mas-serp it-twil nett dritt għal ewwel kaxxa!

Dan il-logħob kien dejjem kumplimentat b'xi tazza kafe u xi biċċa kejk tal-Milied, ħalli nibqgħu fit-tema taż-żminijiet.  Konna tassew nintilfu, sakemm xi ħadd jinduna li kemm ilna nilgħabu u li sa dak il-ħin ix-xita tkun waqfet.  Dan kien jibda' ġenn ġdid li dak li jkun jilbes malajr forsi nilħqu mmorru mqar mixja qasira fil-kampanja.  Min hemm kont immur dritt nilbes it-tracksuit, boots li ħafna drabi jwassalli sal-irkoppa, u ballun, li kif tista' taħseb u timmaġina kont inġorru għalxejn!

Mhux ser nintilef nirrakonta l-vjaġġ, imma għadni niftakar il-mument kif noħorġu mil-karozza u ixxomm dik ir-riħa ta' xita fil-kampanja u l-arja friska li ġġib magħha.  Ovjament dak it-temp kien iġib miegħu diversi għadajjar żgħar tul il-pajsaġġi kollha, u minn hemm għalijja kienet tibda' avventura oħra, la darba il-ballun ma kienx postu hemm.  Qabża waħda wara l-oħra f'dawn l-għadajjar żgħar u ma kull qabża l'hena tiegħi nara l-ilma jtir ma kullimkien.  Ovjament ommi kienet inqas kuntenta tara dak il-qbiż għax kien ifisser ħasla tajba wara dak it-tajn kollu.

Il-ħasra kienet tkun li dan il-ferħ ftit kien idum għax jew ikun diga' beda jidlam jew inkella tkun reġgħet bdiet tqattar, u nispiċċaw ġirja waħda lejn il-karozza.  U kif nidħol fil-karozza għid li l-ewwel ħaġa li kont nagħmel hi li ngħatas xi waħda tajba...

...għid li ser naqla' xi tbesbisa tajba u li ġej xi riħ riħun għax stidintu! 



Comments