Ma kienx tiżjin tal-Milied fil-klassi!

 


Bħal kull sena oħra, ta tfal li konna, il-Milied konna nkunu nistennewh b'ċerta ħeġġa ħafna aktar mil-ġenituri.  Qatt ma kont nifhmu dan, imma fuq kollox kont nifhem li miegħu l-Milied kien iġib moviment u ġenn mhux ħażin, speċjalment fil-klassi.

Minn ġranet qabel l-għalliema kienet tavżana sabiex magħna nġibu roll tal-karti tat-tajr, xi żewġt ibżieżaq u jekk iridu xi kartolini użati.  Sabiex tevita' li kulħadd iġib l-istess kulur, kienet tqassam il-kuluri, u biex ma jinqalax inkwiet kienet ġili tispiċċa bix-xorti ħalli zgur ħadd ma jgħid li xi preferenza.  Kont dejjem nispiċċa nitlob li ma nispiċċax b'xi roża!  Għal bżieżaq ħafna drabi konna nispiċċaw l-istess ħaġa.  Fil-ġranet ta' wara kienet tiġbor kollox u titfahom fil-kexxun għal meta jasal il-waqt.

Darba joqrob dak iż-żmien, ħafna drabi ikun il-Ġimgħa, kienet tavzana li wara l-brejk ta' nofsinhar konna ser noqgħodu narmaw il-klassi.  Għalina kien ferħ kbir.  Anke' l-fatt biss li konna qisna ser niksru r-regoli kollha, inkluż nitilgħu fuq l-imwejjed, niġru mal-klassi kollha, u kollox bil-barka tagħha kien ukoll pass kbir.  X'ma tifraħx!

Kulħadd kien ikollu ġenn ħalli jfittex jasal nofsinhar, u neħilsu il-brejk.  Fejn is-soltu konna nieħdu qata' li s-surmast ħareġ bil-qanpiena, dakinhar kienet xi ħaġa tajba li għadda.  Ġirja fil-klassi u kulħadd jibda' jneħħi l-flokkijiet tas-suf u l-ingravata tal-lastku, inxammru l-kmiem u nkunu lesti għax-xoghol.

L-għalliema kienet tibda' billi tgħaddi l-ispagg mal-perimetru kollu tal-klassi u li miegħu kien ser jeħel it-tiżjin kollu.  Kien ikun hemm diga musmar f'kull kantuniera li min jaf kemm kien ilu hemm u min jaf kemm ra tiżjin, sena wara l-oħra.

Imbgħad kienu jibdew ħerġin ir-rollijiet tal-karti, u fuq kollox kulħadd jibda' jispara l-ideat kollha ta' kif kellu jiġi t-tiżjin.  Kulħadd qisu l-aqwa arkitett, u l-għalliema bid-diplomazija kollha qisha taqbel ma' kulħadd, imma fl-istess ħin kienet tispiċċa tarma kif tixtieq hi.

Minn hemm 'il quddiem, kulħadd kien imidd idejh.  Il-bniet kienu jibdew joħorġu il-ġulbiena li nkunu żrajna minn qabel mil-cupboards fejn konna nerfawhom għad-dlam.  Xi subien jarmaw xi presepju żġħir fejn jista' jarah kulħadd, u oħrajn jgħinu lil għalliema u jibqgħu għaddejin bil-pariri.  Fuq kollox dejjem kien ikollok dak ix-xi ħadd li ma jaqlax idejh mil-but, u x-xogħol kien jara kif ser jaħarbu.  Oħrajn kienu joqgħdu jqasqsu kartolini użati u jwaħħluhom bit-tejp mat-twieqi.

Ħafna drabi mbgħad l-għalliema kienet taqbad xi tnejn li fihom ftit aktar mil-oħrajn (dak iż-żmien konna nsejħulhom il-boċċini!) daqs li kieku kienu hemm minflok kumpressur, u xogħolhom kien li jonfħu l-bżieżaq kollha.  Kull waħda li jlestu kienu jgħadduha lil għalliema u hi twaħħal bl-ispagg imdendlin kollha fuq rasna.

It-tiżjin kien perfett, imma xorta kelli nsib xi ħaġa li tatini f'għajni.  Fost il-kuluri kollha tad-dinja, il-bużżieqa waħda mdendla eżatt fuq rasi kellha tkun bla forma, u fuq kollox sewda!  Daqstant kuluri ħanina dinja, sewda kellha tkun!

U sakemm tiġi l-ġurnata li nżarmaw kollox, kont nipiċċa niċċassa fuq rasi kemm kont beżżul li blajt l-aktar kulur li ma kontx inniżżel...

M'hemmx x'tagħmel, nittama' biss li forsi tul il-ġurnata jew mal-lejl, jiġri xi ħaġa u tinfaqa, forsi ma tafx kif twaħħali oħra ta' lewn ieħor!  



Comments