Niftakar sew li ħafna mil-proġetti li kont ningħata l-iskola, kont nispiċċa nkaxkar saqajja sabiex inlestih. Minn daqsekk, l-iscrapbook kont immur nixtrih, għax li mmur nixtri kien l-hena tiegħi, imma kien jibqa' hemm. Kienet komuni li l-iskola kienu jagħtuna titlu u fuqu ridna nagħmlu proġett imżewwaq kemm bl-istampi li nsibu kif ukoll bil-kitba li tkompli tiftaħ is-suġġett.
Dak iż-żmien ma kelniex kompjuters u Internet x'jgħinu fir-riċerka li kien hemm bżonn. Ridt tqalleb ħafna kotba, u jekk kien hemm bżonn tmur sal-librerija pubblika ħalli tissellef ftit kotba fuq is-suġġett. Fuq kollox ridt tara kif ser tiġbor ftit rivisti, li kienu limitati mhux daqs illum, u tieħu ftit stampi. Fejn issib stampa minn xi ktieb li ma stajtx tqatta', kont tispiċċa bil-karta strazza u tiprova tpenġi l-istess stampa. Imma dan kollu kont inħallih fuq l-ixkaffa u ma nafx kif kont naħseb li l-aħħar jumejn kienu biżżejjed sabiex nlestih.
Dan il-karattru partikulari tiegħi kien magħruf id-dar allura kont ta spiss ikolli d-djarju tal-iskola ċċekjat ħalli jaraw li l-homework għamiltu. Imma għadni niftakar ċar darba s-Sibt wara nofsinhar fejn instab li suppost t-Tnejn ta' wara kelli nieħu miegħi proġett fuq l-Istorja ta' Malta. Qam terremot sħiħ kif indunaw li minn dan kollu kont għadni ma bdejt xejn!
Minn dak il-ħin 'il quddiem, il-mejda tal-ikel inbidlet f'żona ta' riċerka u kull forma ta' bżonn ta' għajnuna biex dan il-proġett jitlesta kif suppost. Fost il-ħafna storbju, kont xorta nara kif ser niżżerżaq mix-xogħol...issa għax bil-ġuħ, jew bil-għatx... jew waqali l-lapes...jew qabadni pipi!
Kienu jibdew siegħat sħaħ u bosta kotba sabiex nimlew l-iscrapbook b'dak kollu li kien hemm bżonn. Hija jsibli l-istampi u ommi tqasqas...jien niprova nibda l-kitba tajba li kien isibli missieri. Tiżjin tal-iscrapbook kien ukoll f'idejn ħija. Stampi, tqasqis u ħafna kolla...iktar stampi, kitba u iktar kolla. Xi tpinġija ta' La Valette, jew inkella niprova nara kif ser nikkopja l-istemma tal-Gran Mastru minn fuq il-ktieb tal-Istorja. Imsomma ġenn sħiħ u kaos totali!
U fost l-istorbju u għajjat, għid ftit ftit dan il-proġett kien jieħu l-forma tiegħu, u sal-Ħadd filgħaxija kien jispiċċa proġett lest u kif suppost kellu jkun mil-inqas sa minn ġimgħa qabel, kif fuq kollox kien ikun il-proġett ta' sħabi kollha. Illum naf li dan kollu ma kienx sew, u li suppost għamilt l-almu kollu tiegħi sabiex naħdem jien biss fuqu dan il-proġett.
Imma niftakar sew. li bil-wiċċ vili u wara dan kollu, l-għada kont mmur l-iskola b'wiċċi bil-quddiem, u sidri minfuħ u fil-klassi kont nuri lil kulħadd il-proġett tiegħi. Kulħadd kien jibqa' mpressjonat fuq kemm kien sabiħ u fuq kemm kien irnexxieli insib materjal!
Mur għidilhom l-ġenn li qam id-dar sabiex fuq kollox seta' jitlesta!
Comments
Post a Comment