Niftakar sew li ċ-Ċinema ta' tfuliti ma kienx bħas-swali li jeżistu llum. Biżżejjed niftakru li biex naraw film ġdid ridna nistennew ftit mhux ħażin sakemm jasal fis-swali lokali. Fuq kollox ried jgħaddi miċ-ċensura u ibqa' ċert li jekk jgħaddi kien ikun jew mhux għal eta' tiegħek jew inkella partijiet minnu maqtugħin barra!
Kull belt u raħal kien hemm tista' tgħid almenu sala waħda taċ-Ċinema. Kollha kienu sbieħ, imma fuq kollox is-sala kellha karattru partiklari li llum ma ssibix. Niftakar sew is-swali tal-Belt Valletta - Il-Ġawhra u l-Ġojjell, min ma jiftakarhomx. Sala bl-iskultura ta; angli nofshom mneżża u pittura fuq il-ħajt li taħsbek aktar li dħalt f'xi sala tat-tiġijiet milli biex tara film. U bil-linfa kbira mas-saqaf kont tħossok aktar li ser tara xi Operetta, milli film kollu sparar u azzjoni!
Dawn is-swali kienu ilhom jeżistu snin twal, bil-ġenituri tagħna jirrakuntaw li ġo fihom raw films klassiċi bħal Ben Hur, Ten Commandments u Gone with the Wind! Kienu jirrakuntaw kif films bħal Ben Hur tant kien twil li l-biljett kont ridt tużah fuq jumejn ħalli tmur tara t-tieni parti.
Imma tal-eta' tiegħi f'dawn is-swali konna naraw films tipo' The Goonies, Back to the Future, jew inkella l-ewwel film ta' Batman. Kif kont tidħol fil-binja kont issib gabbana żgħira tal-injam b'persuna ġo fiha tbiegħ il-biljetti. L-eta' rakkomandata tal-films kienet stretta, tant li jekk tarak mhux tal-eta' għid li kont ser tibqa' barra. Jekk kien jirnexxielek tidħol bla problemi kont issib ruħek ġo sala mdaqqsa fejn stajt tixtri flixkun luminata u borża crisps. Kien importanti li din il-borża crisps qabel tidħol fis-sala ridt tfittex ġo fiha borża żgħira bil-melħ għax inkella jkun bla tgħoma!
Imsomma, darba jibda' joqrob il-ħin kien jiġi xi xwejjaħ u jħallik tidħol fis-sala. Ħafna drabi kien ikun l-istess wieħed li kien ikun hemm ħalli jdawwar il-film u jara li l-istampa hija ċara u l-ħoss jaqblu! Darba ġewwa kont tpoġġi fejn joġgħbok. Ma kienx hemm numri, imma fuq kollox ridt toqgħod attent li fejn dieħel ma jkunx hemm xi tidlika mal-art u li l-putruna fejn ser tpoġġi mhux maqsuma!
Swali bħal dawn kienu uniċi u għalkemm il-film ma kellu l-ebda ħoss Dolby jew inkella effetti extra-dimenżjonali, għalina kien dejjem xi ħaġa spettakolari!
U wara dawk ix-xeni kollha żinnijiet u fantasiji, għid li kien joħroġ xi ħadd minnha bl-idea li nippruvaw naraw xi film ieħor... imma din id-darba ic-City Lights!
Tgħid kien ser iżommna fil-bieb għax ma konniex tal-eta'?
Comments
Post a Comment