Ħajk il-Ħadd filgħodu!


Niftakar sew li nhar ta' Ħadd konna sikwit niltaqgħu grupp ta' żgħażagħ u nerħulha għal xi ħajk fil-kampanja.  Kienet avventura waħda, u li l-bidu tagħha kien dejjem li naraw li niltaqgħu u li jasal kulħadd.  Mobiles ma kelnix pero' xorta l-appuntament dejjem kien ikun fl-għaxra ta' filgħodu fejn il-gabbana tal-casettes jew il-Valletta sign.  Żewġt ikoni li kien diffiċli timmisjahom, u bla mezzi ta' xejn konna kapaċi niltaqgħu grupp ġmielu.

Mat-tokki tal-għaxra għid li konna nkunu ċorma ġmiela, u ovjament dejjem kien ikollok dak ix-xi ħadd li jasal tard u tismgħu jgħajjat minn naħa l-oħra tal-venda li wasal.  Il-bqija kulħadd hemm mobbi b'xi basket fuq dahru u xi basket tal-plastik ma jdejh.  Oħrajn min kien iġorr xi kamera daqsiex ħalli jieħu erba' ritratti tal-okkażjoni jew xi tromba ħalli jara xi tajra mil-viċin speċjalment jekk r-rotta tal-ħajk kienet ser tkun fl-akwati tal-Ġnejna!

Darba sar il-ħin u pratikament ikun wasal kulħadd, konna mmorru dritt għal tal-linja.  Konna nispiċċaw nimlewha u povru dak li jispiċċa jitla' magħna u ma kienx parti mil-grupp.  Għid li kien ser jagħmel vjaġġ sħiħ bil-kant u għajjat sakemm naslu fid-destinazzjoni tagħna, normalment konna niġbdu lejn Għajn Tuffieħa.

Hekk kif naslu fost il-ġenn sħiħ li nerġaw naraw li ma ħallejna lil ħadd u xejn warajna, konna naraw kif ser nibdew dan il-famuż ħajk.

Konna nibdew mexjin lejn il-bajja ż-żgħira ta' Għajn Tuffieħa, magħrufa bħala r-Riviera, għal lukanda li kien hemm fl-akwati.  Minn hemm kien jibda' aktar d-daqk meta xi ħadd kien jitkaxkar għal tulu f'dak it-tafal u addio l-jeans pulit li ġie bih biex jimpressjona xi tfajla jew tnejn!

Umbgħad kien jibda' l-iebes meta nibdew nduru qalb il-blat raff sabiex naqbdu r-riħ tal-Ġnejna.  Minn hemm seħibna tat-tromba kien dejjem jgħidilna li qed jara xi ħuttafa sabiħa... imma oħrajn kienu jaqbdu miegħu li probabilment mhux tajra qed jara imma jnemmes xi waħda tixxemmex qalb dak il-blat.

Kif naslu fil-bajja tal-Ġnejna konna nieqfu naqra nieħdu ftit nifs u arja tajba.  Hemm konna nintefgħu u min jiftaħ il-ħobż u xi flixkun ilma, min iferra xi naqra kafe mit-thermos u oħrajn li għadhom jifilħu kienu joqgħodu jduru u jaqtaw xi ftit kappar li jkun qed jikber bil-mod tiegħu matul dak il-pajsaġġ.

Il-bqija wara dik il-waqfa, konna nibdew t-telgħa u hemm kien jibda' l-iebes sew.  Min jonfoħ minn naħa, min jeqred li qed iħossu li xxawwat, u min qisu afrid ilebbet 'il quddiem.  Pero' konna xorta nibqgħu grupp wieħed nieħdu pjaċir b'dik l-avventura, li ħafna drabi kienet tispiċċa fil-pjazza tal-Imġarr.

Jien l-ewwel wieħed kif nasal hemm, kont immur dritt nixtri xi erba' pastizzi, u lanqas ħaqq il-mixja li tkun mxejt għax malajr kont nerġa' ntella' l-kaloriji li kont ħlejt.

Biss, għal darboħra forsi nġorr tromba, għax dik il-ħuttafa li ra sieħbi, nixtieq li rajtha!!



 

Comments