Niftakar sew li kull meta ridna nagħmlu xirja tajba ta' ħut jew ħaxix, konna nerħulha lejn il-Belt, eżattament lejn is-Suq tal-Belt. Il-post kien uniku, u niftakar sew li malli tidħol kienet tilqgħek ir-riħa qawwija ta' ħut u ħaxix, kollox f'daqqa.
Kien post li kien jiċċassani mhux ftit. Il-binja kienet waħda unika, u bejn għal kobor tiegħu kif ukoll kultant kien ikun ftit imdallam, kien ftit li tistkerħu. Żmien ilu kien meqjus bħala l-aqwa post sabiex issib dak li ridt, u fuq kollox bi prezzijiet tajba. Pero ta' tifel li kont, qajla kien jinteressani l-prezzijiet tal-prodotti. Kien spazju miftuh u kbir, u dak kien ifisser post kbir fejn stajt nigri mingħajr ma jwaqqafni ħadd.
Biss dawk il-ħwienet żgħar b'xi pixxispad mdendel għal tulu kien jimpressjonani mhux ftit. Kont dejjem irid nara kif ser nagħmel u immis it-tilari kollha silġ daqs li kieku huma l-borra li kont nara biss fuq it-televixin. Jew inkella noqgħod nara xi qarnita għadha iddur u tghaqqad fil-vaska, u tal-ħanut jaħtafha u jitfaha jerġa' għal qiegħ. L-għajjat ma kienx jonqos. Xi erba' nisa kollha jridu jinqdew qabel xuxlin, jew xi oħrajn iġebbdu fil-prezz u dak għax għoli wisq jew għax l-ieħor kien ser jżommli nqas.
Niftakar ukoll il-bejjiegħa tal-ħaxix. Kaxxi fuq kaxxi b'kull tip ta' frott u ħaxix. Ma kienx ikolli kwiet f'ġismi u kont nipprova immiss kull kaxxa u kull frotta. Tant li iktar minn darba kont ninzerta xi wieħed minnhom li kien jaqbad xi tuffieħa, jimsaħha mesħa fil-flokk, u jitfaħa f'idi. Kien għadu żmien li jiggustaw tifel kemm xejn imqareb u b'xagħru kollu nokkli, imma forsi ukoll kien mod kif seta' wieħed jevita' milli dan it-tifel suppost kwiet seta' jwaqqalu dik il-bejgħa kollha!
Mbgħad darba minnhom dan il-post fettilhom jagħmlu escalator. Kien naħseb l-ewwel post f'Malta li qatt kien hawn wieħed. Fejn qatt rajna taraġ li jitla' waħdu, u aktar tifel bħali? Tiela' u nieżel għal mitt darba mill-inqas..logħba msomma sabiħa! Sakemm tfaċċa xi ħadd, li qażżistlu kull m'għandu u b'daqqa ta' ċavetta waqqaf dak il-ferħ...
M'hemmx x'tagħmel...erġa ibda' iġri minn naħa għal oħra kif kont nagħmel qabel, u mal-istorbju din id-darba żdied it-tgergir tan-nies li xtaqu jippruvaw dak l-escalator u ma setgħux... għax tort ta' xi ħadd, kien mitfi!
Comments
Post a Comment