Niftakar sew li t-tentazzjoni minn dejjem kienet tkun kbira ħafna. Kont insibha diffiċli ferm li nara xi ħaġa hekk, u nżomm lura. Fuq kollox ma kienetx xi ħaġa ta’ kuljum li tara kaxxa cikkulatini d-dar! Kont magħruf li għaċ-ċikkulata nagħmel kollox, u tant ieħor kienu l-azzjonijiet ta’ ommi sabiex twaqqafni milli niekol aktar ħelu!
Mela missieri kien għalliem, u bħal kull Milied ieħor kien spiss jaqla’ xi rigali mil-istudenti. Dak iż-żmien kien komuni ħafna li taqla’ jew xi flixkun whiskey, jew xi pinna Parker (importanti) u fuq kollox xi kaxxa ċikkulatini, ħafna drabi kienet tkun xi kaxxa Baci. Niftakru sew jiġi biha d-dar u mill-ewwel din il-kaxxa sabet postha fil-vetrina tas-sideboard. Kundizzjoni kienet li xi darba tinfetaħ, imma mhux għalissa. Kif seta’ qatt kien dak kollu, u fuq kollox jekk ma ritniex naraha, għaliex tfajtha fejn tidher?
Ta’ kuljum kif nasal mill-iskola u kont nintefa’ fuq il-mejda tal-kċina nagħmel il-homework, kont nispiċċa minn taħt il-għajn inħares lejn din il-famuża kaxxa. Kont nistħajjel din il-kaxxa qiegħda hemm biss għat-tentazzjoni. Imma dejjem żammejt sod.
Biss niftakar sew li darba fost l-oħrajn ma nafx x’kien, imma f’moħħi daħal ħsieb. Issa billi nieħu waħda x’differenza ser tagħmel? Fuq kollox, kienet kaxxa mil-kbar nett, waħda nieqsa ma kienet ser tfisser xejn. Imma kif?
Naf li stennejt lil ommi u missieri jidħlu jistrieħu wara nofsinhar. Tlajt fuq is-siġġu u niżżilt il-kaxxa. Ħassejtha tqila u l-fatt li ġo fiha kien hemm barka ta’ cikkulatini, kompla jimla’ qalbi bil-kuraġġ ħalli nieħu waħda... iva waħda, u waħda biss…
Ma nafx x’użajt, imma niftakar sew li kont qtajt il-platik pulit pulit għat-tul tal-kaxxa. Biżżejjed spazju kemm tidħol idejja. Ma ridtx wisq, imma bit-tarf tas-swaba irnexxieli nilħaq waħda u ħriġtha bil-mod il-mod. Vittorja! Dlonk poġġejt lura l-kaxxa fejn kienet, daqs li kieku ma kien xejn, u mort dritt fil-bitħa ngawdi minn dik it-tjubija ta’ ċikkulatina. Maaaa...ta’ vera!
Rnexxieli u fuq kollox ħadd ma nduna b’xejn. Tant hu hekk, li l-għada t-tentazzjoni reġgħet għamlet bijja, u għamilt l-istess...u l-għada...u l-għada u... l-għada...sakemm...
Sakemm, darba fost l-oħrajn daħħalt idejja, u ma ħassejt xejn. Imma vera xejn ta. Ma nafx, fl-istess ħin ma ridtx nammetti li kont daqshekk żaqqieq. Dak il-ħin naf li tfajt il-kaxxa lura f’postha, u ppruvajt ma naħsibx. Pero’ dakinhar stess waqt l-ikel, ġara dak li qatt ma stennejt. Missieri ħareġ bil-ħsieb li dakinhar stajna niftħu din il-kaxxa ċikkulatini, ħalli jieħu waħda kulħadd. Imma minn tant illum? Qalbi għamlet tikk. Ikel tajjeb kemm kien tajjeb żgur li niżel velenu.
Kif lesta kuħadd mil-ikel, missieri resaq lejn is-sideboard, u ġġebbed sabiex jilħaq il-kaxxa. Malli ħadha f’idejh, mil-ewwel intebaħ li xi ħaġa falza fil-piż tagħha, sakemm induna b’dak il-faxx fil-ġenb, u tani ħarsa ta’ vera. Kont nstabt ħati mingħajr il-bżonn ta’ l-ebda ġuri. Bil-fama li kelli ma seta’ kien ħadd aktar li jagħmel xi ħaġa hekk.
Niftakar li spiċċjat b’kastig kbir ngħid għalija – bla televixin u fuq kollox bla ħelu għal ġimgħatejn.
Għadda ż-żmien sew minn dik il-ġurnata, u fuq kollox għadha taqali żaqqi għal biċċa ċikkulata, imma fuq kollox issa, bis-saħħa ta’ dan il-blogg, ommi u missieri jafu l-istorja sħiħa!
Comments
Post a Comment