Niftakar sew li tfuliti fil-klassi l-affarijiet kienu tassew differenti. Jekk humiex aħjar issa jew inkella aħna konniex l-aħjar huwa biss opinjoni, pero' żgur ċerta affarijiet ta' dak iż-żmien huwa diffiċli li tarahom illum. Jew anke, affarijiet li llum ndraw, u għal dak iż-żmien kienu xi ħaġa rari.
L-ewwel ġranet tal-iskola kont issib ruħek ħafna drabi ma' ħafna tfal mis-snin ta' qabel. Biss kien possibli li jkollok tfal ġodda. Niftakar l-iskola ta' Raħal Ġdid darba minnhom tfaċċaw żewġt studenti mil-Korea ta' Fuq, t-tfal tal-Ambaxxatur. Kien qam argument sħiħ kif dawn it-tfal ser jikkomunikaw mal-bqija tal-klassi, u fuq kollox għax t-tfal mhux ser jkunu jistgħu jitkellmu bil-Malti quddiemhom. Niftakar sew lil dawn it-tfal msieken kienu jħarsu lejhom qishom xi aljeni, sakemm għaddew ftit ġranet u b'xi mod (insejt kif) draw kollox, u saru fost l-aqwa ħbieb.
L-ambjent tal-klassi kien ukoll differenti, u ċertu tqassim ngħid Alla ħares tarah illum il-ġurnata. Konna npoġġu fuq bankijiet tnejn tnejn, ibsin ġebel u trid seba' saħħiet biex tipprova tgħollieh ħalli tqiegħed ftit kotba taħt il-bank. U ara kien ifettillek ittiħ xi tisbita, għax b'rasek kien idur. Niftakar sew li darba ħarabli min idi u t-tisbita tiegħu qabżet lil kulħadd, tant li spiċċajt qlajt li nikkopja d-Denfil għal darbtejn. X'tgħallimt minn dak il-kastig ma nafx, naf biss li ħassart il-kalligrafija waħda sew!
Il-metodu ta' tagħlim kien ukoll differenti. Kien żgur li ridt toqgħod għal li jgħidu u ara kien ifettillek taqbeż fin-nofs jew tmeri dak li qed jingħad mil-għalliem. L-unika mument li stajt tiftaħ ħalqek kien jew wara li tagħmel xi siegħa b'idejk mgħollija jew inkella għax tkun skantat u l-għalliema tiprova tikxfek mal-klassi kollha li ma kontx attent. U f'każ li ma kontx, għid li kont ser tispiċċa jew b'xi daqqa ta' njama fuq il-pala ta' idejk, jew fuq il-warrani, jew inkella wiċċek mal-ħajt għal xi siegħa!
Imma ma kienx kollu żmien ikrah. Niftakar sew il-purtinar jqassam il-ħalib f'kull kamra, u aħna mħatra bejnietna nipruvaw naqtgħu l-kulur. U fuq kollox kulħadd jġib ruħu sura, forsi jkun il-magħżul li jkollu x-xorti li joqgħod jiftaħ it-tappijiet. Xorti oħra kienet tmiss lil dawk li jintgħażlu biex iqassmu jew jiġbru l-pitazzi, joqgħodu għassa ma sħabhom sakemm l-għalliem tillarga ftit, u fuq kollox sabiex tħassar l-blackboard u tnaddaf id-duster. Iva tħassar u tibla' dak it-trab fin tal-ġibs kollu ġo fik, u għalina kien privileġġ. Illum li kbirt tinduna li dawn il-privileġġi kienu biss mezz kif l-għalliema tifranka ftit mix-xogħol tagħha! Imma għalina kienu jfissru ħafna.
Umgħad kellek il-mumenti li tibqa' tiftakar bħal meta xi ħadd kien iġib miegħu xi kumpass ġdid, xi riga li tinbaram u ma tinqasamx. Konna nibqgħu ċċassati, u fl-istess ħin nipruvaw naraw kif la naslu d-dar nipruvaw nikkonvinċu l-ġenituri li nixtiequ waħda, u ħafna drabi konna nibqgħu bix-xewqa. Imma fuq kollox niftakar meta bdew ġejjin l-affarijiet miċ-Ċina. Kulħadd b'xi temprina bil-mera u kif jidħol raġġ ta' xemx fil-klassi, kulħadd jibda' jilgħab u jgħammex lil kulħadd, sakemm l-għalliema ssabbat xi waħda tajba, u tispiċċa tigbor kull temprina għal ġol-kexxun!
Umbgħad kien hemm mumenti oħra bħal ta' nhar ta' Ġimgħa nisimgħu programm fuq ir-Radju... kaxxa griza mwaħħla mal-ħajt, jew inkella matul Ottubru jew Mejju ngħidu posta rużarju fi klassi mimlija fjuri u rwejjaħ ta' kull għamla. Iż-żmien li konna nitgħallmu minn kollox, minn kif ser nibdew nitqarbnu f'idejna għal kif tikteb indirizz fuq envelop. Fuq kollox kien hemm ukoll il-mument li tiġi n-ners u aħna filliera b'lapes f'idejna ħalli tfittex il-qamel ġo xagħrna, u miskin dak li tagħtih xi nota, għax jispiċċa mistkerrah minn kulħadd għax għandu l-qamel!
Kien żmien ieħor li għadda, u forsi bi ftit nostalġija ngħid ħasra. Ħasra għax l-affarijiet kienu sempliċi u ħażen ma kelna xejn. Sadantant jibqgħu biss, it-tifkiriet.
Comments
Post a Comment