Niftkar sew fi tfuliti nara wieħed raħħal jaqsam Triq Ħaż-Żabbar fil-Fgura b'merħla mogħoż fi triqtu lejn Wied Blandun ħalli hemm iħallihom jirgħu fil-kwiet. Mur ġibu llum jiprova jaqsam minn fost il-ħafna karozzi li jgħaddu! Pero għal dak iż-żmien kienet xi ħaġa rari li tara f'raħal li kien diġa żviluppa sew fejn rħula oħra.
Il-kampanja u l-meded ta' ħdura kienu ferm akbar milli huma llum. Anke fil-Fgura niftakar postijiet li kienu għadhom għalqa, tant li ġili nġbarna ftit tfal mhux ħażin u għaqqadna ftit logħob. Min jaf kemm bnejna kampijiet bit-tankijiet u biċċiet tal-injam, jew inkella naqtaw il-ħarrub jew it-tin.
Għawdex, għad li huwa ferm aktar naturali minn Malta, snin ilu kien ferm aktar post mimli kampanja. Il-merħliet ta' nagħaġ u mogħoż kont tarahom aktar spiss, u kien komuni ukoll li fit-toroq kont tara min għaddej bil-moħriet u l-karru! Kien mezz ta' trasport uniku fl-irħula għawdxin u għalkemm kien xi ftit storbjuż, kien xi ħaġa karateristika ukoll.
Mixja fil-kampanja konna nispiċċaw min jaqta' n-Narċis u min ifittex il-bebbux. Jekk kien ikun żmienu konna naqtgħu l-kappar, u nispiċċaw kompetizzjoni għal min ser jimla' l-aktar l-borża. Ma kelniex kwiet f'ġisimna u żgur ma konniex ser noqgħodu mitluqa bil-qiegħda u ma nagħmlu xejn.
Is-subien fuq ruħhom kien jġorru xi vażett tal-ħġieġ ħalli jaqbdu ż-żrinġijiet, u l-bniet jfittxu l-fjuri u jagħmlu xi ġiżirana bihom, jew inkella jsibu xi fjuri speċjali ħalli jiprressawhom u jnixxfuhom f''xi ktieb. Mbgħad kellek oħrajn li jfittxu l-qarsu u jgermuh taħt snienhom, jew inkella nfittxu xi siġra tal-lewż, u b'xi qażba konna nibdew nħabbtu fuq il-friegħi u oħrajn jiġbru l-lewż kollu li jaqa'.
Jekk jaqbadna l-għatx konna nsibu xi nixxiegħa żgħira u għid li ser naqbdu u ndeffsu rasna taħtha u nieħdu bela' ilma friska, u qajla konna nħabblu rasna li stajna nlaqtu xi ħaġa minnu. Min jixxabbat mas-siġar u min jaqbeż minn fuq iċ-ċnut, u jekk taqa' għid li ser titfarfar u tkompli tiġri, u ftit kien hemm ċans li tagħmel xi bikja, għax jgħidulek li issa tikber u tinsa'!
Sadatant, il-ġenituri kienu jintefgħu fuq il-ħaxix u min jaqra l-gazzetta jew inkella xi rivista. Thermos bil-kafe, u xi biċċa ħobż għal min jaqbdu l-ġuħ. Fuq kollox ma kienx jonqos ir-radju ċkejken, u nisimgħu lil John Muscat u ċ-ċajt tiegħu, jew inkella l-futbol taljan minuta b'minuta!
Nofstanhar il-Ħadd fil-kampanja kien uniku, u l-arja sabiħa u friska kienet xi ħaġa ta' pjaċir. Konna mmorru lura d-dar kollna ħamrija u wiċċna kollu griemet, imma kuntenti. Grief ġdid u xi tbengila ukoll, u kull ma kien ikollna f'moħħna hu li iġri jiġi Ħadd ieħor ħalli nerġgħu nagħmlu avventura oħra.
Comments
Post a Comment