Dik il-kamra għadni niftakarha sew. Ma kienetx kamra kbira, anzi kamra modesta ġo dwejra sempliċi li kellha biss dak bażiku. Biss dik il-kamra kienet ħafna minn tfuliti. Kamra b'saqaf għoli u travu daqsiex it-tul kollu. Il-kamra kienet ukoll il-mekka ta' kollox. Minn magħmudijiet għall-praċetti, ir-ritratti kollha kienu jsiru hemm. Fil-Milied, kienet timtela' bis-sigra, presepju u Bambin, kollha fl-istess ftit spazju.
Kienet l-ewwel kamra li ssib malli tiftaħ il-bieb ta' barra, u wara li taqbeż ir-riħa tal-umdita' li kien hemm bejn il-bieb u l-antiporta. Riħa li baqgħet fit-tul malli nerġa nxommha, terġa tfakkarni fuq kemm lgħabt bil-karozzi tal-logħob f'dak l-ispazju ċkejken. L-aktar post viċin li stajt noqgħod mingħajr ma nikser ir-regola li ma nistax immur barra waħdi!
Il-kamra tas-salott kienet waħda klassika. Kamra mkittfa li kienet tiġbor kollox, inkluż d-dħul għal kmamar l-oħrajn, u għat-taraġ sabiex titla' fis-sular ta' fuq. Fiha kont issib sufan ta' tlieta, żewġt pultruni waħda kull naħa faċċata u żewġt pultruni żgħar fil-ġenb. Bil-kontra ta' ħafna dak iż-żmien, is-sufan ma kienx miksi fil-plastik, u prattikament kien joqgħod fuqu kulħadd. F'nofs ta' dan is-sufan kien hemm pupa daqsiex li kienet tieħu nofsu, u li Alla ħares kien ifettillek tressaqha ħalli toqgħod komdu. Pupa li tul iż-żmien kompliet timlieni bil-biża' lejha, tant li kont nistħajilha tħares lejja kemm malli nidħol fil-kamra, u kemm meta ninżel dak it-taraġ.
Fin-nofs tavolina żgħira kemm tgħid hemm waħda. Niftakarha sew li dejjem kienet tkun b'xi ħaġa rrakmata pulita, u fuqha forma ta' plattin żgħir b'ritratt tat-tim tal-Milan tas-snin sittin. Sinċerament, ma nafx min kien dilettant, pero' naf li b'xi mod influwenzani fit-tim favorit tiegħi.
Ma setax jonqos li f'dik il-kamra jkun hemm armarju tawwali fejn in-Nanna kienet iżżomm ftit xorb irqiq, u dawk il-ftit tazzi fini li kienu joħorġu biss għal xi okkażjoni speċjali. Fuqu kont issib kemm Alla ħalaq ritratti taz-zijiet u tan-neputijiet kollha, fil-waqt li mhux l-ewwel darba li kienet tħalli dawk il-kartolini li tant kienu għal qalbha. Imdendel fuqu preċiż, kien hemm tapezzerija kbira li tħossok fl-aqwa palazz, li tħossha tistona ma' dik is-sempliċita' ta' dik il-kamra.
Biż-żmien fil-kamra żdied it-televixin. Postu kien faċċata tas-sufan, u sabiex min joqgħod fuq il-pultruni tal-ġenb ma jbatiex, in-Nannu kien ramalu mera mdaqqsa fuq is-sufan. Hekk li seta' joqgħod komdu fuq il-pultruna l-kbira, u xorta jgawdi ftit minn dik il-kaxxa.
Pero' niftakar sew il-madum tal-art. Madum antik tipiku Malti, u li kien jimla' l-kamra bil-kuluri vibranti tiegħu. Kien l-hena tiegħi nuża dawk il-linji kollha bħala trakka għal karozzi ċkejkna, u hekk nintilef għal ħin twil żaqqi mal-art fuq dak il-madum kiesaħ.
Is-salott tan-Nanna kien il-ġabra, fejn għadni nimmaġinaha sal-llum il-ġurnata, hemm bilqiegħda fuq waħda minn dawk il-pultruni tara t-televixin b'kutra fuq saqajha u fl-istess ħin taħdem xi flokk tas-suf.
Kien il-post fejn tilqana meta naslu u minn fejn ta kull filgħaxija nitolbuha tberikna qabel nitilqu, waqt li tbusilna moħħna u tavżana li ser titlob għalina ħalli fuq kollox naslu d-dar qawwijin u sħaħ!
Comments
Post a Comment