Ir-Rediffusion

 


Ferm qabel daħal it-televixin fid-djar Maltin, kienu bosta li ramaw sett tar-Rediffusion.  Dan ir-Rediffusion, jew kif ħafna kienu jsibuh bħala l-cable radio, kien litteralment servizz ta' wajer mtawwal mit-triq sad-dar. 

Ma kien xejn speċjali.  Kienet tkun kaxxa tal-injam fuq xkaffa zgħira mwaħħla mal-ħajt, bi speċi ta' xibka tatti l-unika speaker li kellu.  Kellu biss rota tal-volum u taħtu mal-ħajt, kien ikollok swiċċ ħalli taqleb minn kanal wieħed għal kanal tnejn.

Pero, ghand in-Nanna, dik il-kaxxa fil-għoli kienet taffaxinani.  Fuq kollox għid li akkost ta' kollox dik il-kaxxa ma stajt titfiha qatt.  L-ewwel nett, kienet wisq fil-għoli għalija sabiex nilħaqha, u fuq kollox ma kien hemm xejn aktar x'wieħed seta' jsegwi bħala divertiment.

Ftit niftakar programmi li kienu jixxandru fuqu.  Biss għadni niftakar ċar programmi bħal-istorja (li fuq kollox kienu rumanzi li kważi ma jispiċċaw qatt) li kien jaqra Charles Arrigo jew inkella Twanny Scalpello.  Il-vuċi ta' Scalpello kienet issaħħarni, speċjalment meta kien kapaċi jittrasforma leħnu f'diversi tonalitajiet ħalli jagħti aktar ħajja lill-karattri li kien isemmi.  Imma fuq kollox din il-famuża storja kienet twaqqaf dar u l-facendi kollha.  In-Nanna kienet tressaq siġġu viċin ir-Rediffusion u ara min iffettillu jagħmel ħoss.  Storja ta' ħafna ntriċċi u qtugħ ta' nifs, u jien hemm ħsiebi biss nipprova nifhem kif qed jirnexxielu jbiddel leħnu!

Umbgħad mumenti oħrajn li ma stajtx tlissen kelma kien meta jibdew l-avviżi tal-imwiet.  Kienu jibdew b'naqra mużika li anke jekk ma ridtx kont tispiċċa qalbek sewda, tal-inqas għal dik il-povra diska.  Kienet tinstema' ċara li kienet ilha tindaqq is-snin, u mhux l-ewwel darba li kont tismagħha żżarżar sakemm jibdew dawk l-avviżi.  Kif imbgħad jibdew l-ismijiet, konna nibdew l-ewwel nipruvaw naraw nafuhx, imbagħad jekk nafuh, naraw li niftakru ta' min jgħidulhom bħala laqam, u fl-aħħar u jekk jifdal nifs, ngħidu Pater Noster u Ave Maria għal ruħu!

Meta kien il-każ, għand in-Nanna ma stajtx norqod tard, mhux bħad-dar.  Eżatt x'ħin tkun dieħel torqod u tibda' tmur għajnejk bik, ir-Rediffusion kien jibda' r-Ruzarju.  Naf li kien ikun jinstema' ċar li huwa rrekordjat, tant li kont noqgħod ninnota ċerta waqfiet mil-lejl ta' qabel kienu jkunu l-istess.  Imma man-Nanna ma stajtx torqod, u ridt tibqa' mqajjem fis-sodda, wiċċek 'il fuq, tisma' Rediffusion għoli minn isfel u tgħid ir-Ruzarju warajh.  U meta ma kienetx tismani, kienet tgħajjatli ħalli nerġa f'tiegħi u nkompli magħha f'dak it-talb infinit.

Kont nistħajjel li n-Nanna kellha rabta personali ma dik il-kaxxa ukoll.  Mhux l-ewwel darba li kont ninzertaha tirraġuna miegħu meta tisma' xi aħbar xokkanti, jew inkella l-istorja waqfet ħesrem u kien iħalliha bil-kurżita' sal-għada.

Mhux ta' b'xejn ma setgħetx tniżżilha meta ġew biex jaqtawlha s-servizz, għax il-kumpanija kienet għalqet, u s-servizz kien qed jinqata' ftit ftit mingħand kulħadd.

Minn hemm 'il quddiem, riedet tiprova tidra b'radju ċkejken, li fuq dik l-ixkaffa kien jintilef u xejn ma kien jaffaxxinha.  U fl-aħħar kienet sabet tarf, kif fost il-ħafna textix u ħsejjes ohra, reġgħet sabet lil Twanny Scalpello ħalli tisma' kif ser jispiċċa r-rumanz! 

Comments