Ma stajtx għaliha dik il-frażi! "Daqt nibdew il-vjaġġ lura"... kif jista' jkun? Apparti li r-realta' li l-iskola hija ħafna aktar fil-viċin, dan kollu kien ifisser ukoll t-tmiem ta' ħafna affarijiet u avventuri.
Minn meta kont nisma' dawk il-kliem, kont nidħol fija nnifsi u nibda' nifhem tassew it-tifsira ta' dawk il-ġranet sbieħ li qattajt ġewwa x-Xagħra. Dak il-kwiet, ħlief il-ħoss tal-werżieq jew xi moħriet bil-karru. Konna nagħmlu sajf sħiħ hemm, allura mingħajr ma ridt kont insir parti minn dak l-ambjent. Diġa rrakuntajt fi storja oħra ħafna mil-praspar u stejjer li kelli, u ċert li hemm ħafna aktar u nsejthom, u li forsi wħud mil-ħbieb ta' dak iż-żmien forsi jfakkruni.
Sabiex nidħol fl-atmosfera, bħal donnu wara l-festa tal-Bambina, sħabi ukoll kienu jibdew inaqqsu mill-ġiri barra. Kien jibda' ġej iż-żmien li nibdew ninġabru d-dar kmieni, u naħsbulu għas-sodda. Għax wara tlett xhur nqum tard, ma kienetx ser tkun faċli biex inqum kmieni għal-iskola! Kont diġa' nibda' nimmisja il-ħemda tal-pjazza ta' Sant' Anton, l-għajjat u l-ġiri kollu u d-dawrien bir-rota.
Imma bħal donnu dawk il-kliem ta' missieri, li nibdew il-vjaġġ lura, kienu jkunu jagħmlu sens issa li kien qed jintemm kollox.
Pero' ma kontx nitlaq qabel nara li kellimt lil kuħadd. Il-ħbieb għeżież, kif ukoll dawk li forsi għal xi raġuni nkunu tnaffarna ftit minnhom, probabilment għal xi goal imħassar intortament, jew inkella xi daqqa ta' sieq li ħalliet l-marka tagħha minn dak iż-żarbun Soldini tat-tappini! Jew oħrajn li ftit kont immur tajjeb magħhom, u forsi dik it-tifla li kien ikolli grazzja magħha, u li kont nispera li s-sena ta' wara nerġa' naraha, u forsi jkolli ftit aktar kuraġġ u nkellimha!
Kienet iebsa, avolja kont għadni żgħir, imma għalija dik kienet firda qawwija. Kont kważi ċert li sen'oħra ser nerġa nsibhom hemm, fl-istess pjazza, fl-istess kantuniera, bl-istess ballun. Imma xorta, ma tniżżiliex li ser jkolli nitlaq.
U meta kien jasal il-jum propja, il-karozza kienet terġa titgħabba sa ruħ ommha, u nibdew il-vjaġġ. Ma niftakarniex nibki, imma qalbi sewda, iva.
Fuq kollox kont qed nitlaq ġenna sabiħa bħal ma hi x-Xagħra, l-arja nadifa u l-kwiet tagħha, ħalli ninżel fil-ġenn ta' Malta, u l-ħajja mgħaġġla u nerġgħu lura għan-normalita'.
Issa ejja... nibdew inlestu għal dik l-iskola!
Comments
Post a Comment