Niftakar sew li l-istess dwejjaq li ser jispiċċaw il-vaganzi, kien jinbidel fi ftit ħin, f'eċitament li l-għada ser nibda' sena skolastika oħra. Forsi ftit kienu jirraġunaw bħali, imma l-ewwel ġurnata tal-iskola kienet iġġibli ħafna mumenti sbieħ, u li forsi għadni ngħożżhom sal-llum il-ġurnata.
Kif diġa semmejt, l-uniformi u r-rutina ta' madwarha kienu prassi importanti. Pero' kien ikun hemm preparamenti oħra. Fost dan kien hemm ix-xirja tal-affarijiet li kelli bżonn. Ma kienx żmien il-ħela, u wisq anqas kien iż-żmien li tixtri għal xejn b'xejn. Xi Sibt ta' qabel konna mmorru lejn il-Belt, u nerħulha lejn il-Golden Gate fi Triq San Pawl. Dawk iż-żminijet, kien magħruf li jbiegħ l-affarijiet bl-ingrossa, u bi prezz tajjeb. Niftakar sew lil missieri joħroġ pitazzi bil-qies li kelli bżonn u jaħbi l-bqija biex ma mmurx nieħu xi ieħor għal-xejn. U ommi, bil-paċenzja kollha, tagħmilli n-numri fuq kull paġna, bl-iskop li ma naqtax paġni minn nofs u nagħmilhom xi ajruplan!
Lura għax-xirja, dejjem kien ikun hemm xi roll brown paper li tant kien importanti sabiex niksu l-kotba li kienu jagħtuna tal-iskola. Xi ftit labels għal isem, u xi erba' pinen tajbin, daqs li kieku kienu huma li ser jagħmlu l-kitba pulita. Magħhom kienet tiżdied xi temprina u xi sett kuluri (normalment Made in China), għax ħafna drabi dawn kienu jispiċċaw vittmi tax-xogħol, u ftit minnhom kienu jintilfu fil-missjoni tagħhom. Il-bqija, dejjem fejn stajna u kien fadal affarijiet tajbin mis-sena ta' qabel, konna nibqgħu nlaqtu fihom. Fost dawn kont issib xi lapsijiet (bit-tarf imgerrem), xi gomma (nofsha nieqsa), r-riga li għalkemm b'ħafna tħażżiż kienet għadha dritta, u l-basket.
Il-basket miskin niftakru sew mgħarraq fil-banju wara xi għorka tajba sapun ħalli jerġa jieħu l-kuluri oriġinali tiegħu. La ma kienx imqatta, mela allura seta' jservi għal sen'oħra.
Ma kelnix dak in-nejk li ridna l-affarijiet tad-ditta jew b'xi karattru favorit. Probbabilment l-iskola kont tintebaħ li nofs il-klassi kellhom l-istess affarijiet bħal tiegħek, allura kont tispiċċa tħażżeż ismek fuq kull ħaġa li kont tieħu miegħek.
Lejliet il-ġurnata tal-iskola, għid li ma stajtx indum nitnikker biex norqod. Lanqas kienet tilħaq tinżel ix-xemx, li ma kont nieħu ħasla tajba, u dritt fis-sodda... m'hemmx paroli. Issa kemm kont norqod mil-ewwel storja oħra. Dakinhar tal-iskola filgħodu xorta ma kienetx tkun faċli biex inqum, la kont drajt inqum tard. Imsomma, bi ftit tbattija konna nqumu, u nibda' nilbes l-uniformi li kienet tkun diġa ppustjata pulit fuq is-siġġu ma' ġemb is-sodda.
Ftit te' u xi biċċa ħobż mixwijja, u dritt għal barra. B'mod tradizzjonali kont nispiċċa skjerat fejn il-bieb ta' barra u nieħdu ritratt tal-okkażjoni. Ritratt daqs li kieku kellu jkun il-prova li mid-dar ħriġt sura ta' nies, għax probabilment bil-ġiri u qbiż, kont ser nirritorna lura b'xi ħaġa nieqsa jew imħarbta.
Kien żmien ieħor, u ma ninsieħ qatt. Skola bqajt immur, u ritratti naqsu biss għal meta biddilt l-iskola. Qalil kont, u forsi bqajt, u affarijiet mil-pocket, bqajt nitlef ukoll.
Il-wasla l-iskola u li terġa' tisma' is-Surmast jgħajjat u jdoqq il-qanpiena ħalli nibdew kienu sbieħ wisq. Minn hemm tibda' tiskopri min ser jkunu sħabek tal-klassi, u fuq kollox min ser jkun l-għalliem jew għalliema għal dik is-sena... hemm kienet il-qata' ta' vera!
Il-Bambin jibgħatili tajba!
Comments
Post a Comment