Niftakar sew li qisu kif joqrob sew l-aħħar t'Awissu, din il-frażi kienet tispiċċa speċi ta' tgħeddida. Qed toqrob l-iskola.... jew daqt jgħaddu l-vaganzi! Qatt ma fihmta, għax għalija l-vaganzi kienu sagri, u dak iż-żmien ta' tnikkir, baħar bla waqfien, u ġranet ta' logħob barra, kienu kollox. Kif stajt toqgħod tgħeddidni li daqt tibda' l-iskola?
Dan il-perjodu kien iġib miegħu naqra taqlib ukoll. Il-fatt li daqt tibda' l-iskola, għid li ser tagħmel ġurnata tipprova l-qliezet u l-qomos kollha li għandek, ħalli jaraw jekk għadhomx jiġuk, Dak iż-żmien, ħlief għal meta tmur is-Sekondarja, ma ridtx tixtri uniformijiet. L-importanti li jkollok qalziet blu, qmis bajda u ingravata blu u bil-lastiku. Magħhom kien jiżdied flok tas-suf tal-istess lewn, imma dak kont taffordja tipruvah aktar tard. Finalment, kont tipprova terġa ż-żarbun, li jekk ikun għal qalbek għid li ser tagħmel minn kollox biex jerġa' jidħollok, u jekk le, għid li ser toħroġ elf skuża li jweġġek hemm u li ssikkat 'l hawn! Imma l-importanti li jkollok l-affarijiet kollha bażiċi.
U fejn ma jiġinix, hemm kienet tidħol ukoll il-ħjata t'ommi. Ma tantx kont xi wieħed kwiet, allura il-qliezet ħafna drabi kienu jispiċċaw bil-patches tal-ġilda mal-irkoppa, bl-isperanza li nġebbdu sal-aħħar tas-sena. Il-bqija, qalziet li speċi d-drapp tiegħu kien ikun għadu tajjeb, għid li b'mod jew ieħor kien jikber u jiġi tal-qies.
U jekk xejn mhu tajjeb, allura għid li kienet tixtri xi biċċa drapp tajba, u tifrex skoss disinni mil-arkivji tal-moda, ħalli ssib forma ta' qalziet tajjeb. Kollox kien ikun mifrux fuq il-mejda tal-kċina, ftit ġibs tad-drapp, terġa tieħodli l-qisien, u bi ftit xogħol u ħafna paċenzja, għid li kien ikolli qalziet ġdid.
Dak iż-żmien ma kelniex nejk żejjed, u ftit konna nħabblu rasna li għax il-qalziet ħitietu ommi. Pratikament, jien u sħabi konna kollha fl-istes dgħajsa, u ftit kienu dawk li kienu jaffordjaw li jixtru l-ġdid.
Meta kollox kien ikun preparat, għid li kont tagħmel prova ġenerali ta' kollox. Min rasek sa saqajk ridt tkun perfett, almenu f'għajnejn dawk tad-dar. Min hemm 'il quddiem, kienet tibda' avventura oħra, biex naraw x'jonqos fl-affarijiet tal-iskola, imma dik storja oħra.
Sadatant, kont nintebaħ li tassew bdew jonqsuli l-ġranet tal-vaganzi... tgħid min ser jkunu sħabi tal-klassi din is-sena?
Comments
Post a Comment