L-okkażjonijiet li mmorru ngħumu f'bajja ramlija kienu vera ftit. Bejn li ommi ma' kienetx taħmel l-fatt li d-dar konna nġorru nofs il-bajja magħna, kif ukoll għax dejjem konna bil-biża' li mir-ramel inlaqtu xi marda tajba! Imma meta kien ikun il-każ għal ġurnata baħar fejn hemm ramel, ma kienx hemm isbaħ mil-bajja ta' Għajn Tuffieħa!
Niftakar sew li fi tfuliti dejjem r-ramel kont nagħżel. Hemm kont inħossni f'ġenna oħra, fejn aktar kont nintilef nibni kastelli tar-ramel, milli nieħu l-opportunita ta' għawm. Tant kont indum fix-xemx, li sal-aħħar tas-sajf kont nsir qisni l-Bambin iswed li kien iħobb ikanta fuqu Fr. David.
Niftakar okkażjoni partikulari li konna morna l-familja kollha flimkien ma' xi ħbieb tagħna. Bħas-soltu kont inkun mitluf fuq xogħli, pero din id-darba kelli l-ħabib tiegħi jgħini fix-xogħol li kont qed nagħmel. Ukoll bħas-soltu, f'moħħi kien ikolli elf ħsieb, u realta' kienet issarraf mod ieħor.
Mela dakinhar, apparti dak l-ikel kollu li konna nġorru magħna, ġie l-aptit għal ġelat mingħand tal-gabbana. Dak iż-żmien ftit kellek għażla. Normalment, dejjem kienu jġibuli ġelat tal-barmil. Il-kelma 'barmil' kienet illusjoni kbira għax fil-verita' kont tispiċċa b'tazza daqs naqra!.
Sieħbi riedu cone u mhux tazza. Jien ta vavu li kont, ridtu bħalu! Ġara li fi triqtna aħna u sejrin nixtru dan il-ġelat, minn taħt l-għajn rajna tfajla barranija tixxemmex topless! Madonna... x'għarukaża! Dak iż-żmien kienet xena rari, li kont taraha biss bil-moħbi fuq it-televixin fuq xi stazzjon televiżiv Sqalli. Zgur imma li ma kenitx xi xena komuni, u wisq aktar għalina ta' dik l-eta'.
Dak il-ħin ftit tajna kas, pero' niftakar sew li d-daħk (forsi ukoll bil-mistħija) ma naqasx. Imma fit-triq lura, aħna u nilgħaqu l-ġelat fil-cone, spiċċajna waqafna iċċassati lejn dik it-tfajla b'xagħra lewn id-deheb u kollox espost quddiem kulħadd. Kienet qisha anglu. Fejn qatt rajna xi ħaġa hekk! Addio ġelat!
Il-ħolma ma damitx wisq li ma nħossx xi ħadd idawwarli wiċċi għan-naħa l-oħra u javzani li Alla ħares kellu jaqali dak il-ġelat minn idi.
Id-dilemma hi, li sal-llum il-ġurnata għadni ma nafx jekk dik it-twissija kienetx vera għax kien qed idub il-ġelat, jew inkella għax bqajt iċċassajt lejn dik is-sinjorina u l-forom kollha tagħha!
Comments
Post a Comment