Niftakar meta ta' tifel li kont, kont nitħajjar għal ħafna affarijiet, li ftit ftit kollha kienu jispiċċaw imutu mewta naturali, u qajla nibqa' niftakar li għamilthom. Forsi kelli xi tnax -il sena, pero' d-darba meta twebbilt li nibda' nistad niftakarha sew.
Ma nafx x'kien li qanqal fija dan il-ħsieb, pero forsi l-fatt li fis-Sajf ġo Marsalforn kont nara bosta subien għaddejjin b'dan id-delizzju, allura tħajjart. In-Nannu naf li kien sajjied prim, u din in-namra kien qabad fiha iz-Ziju Ġorġ ukoll. Allura ta' tifel li kont ħassejt li l-bravura tas-sajd qiegħda x'imkien tiġri fid-demm, u li żgur kont magħqtuh għalih. Kif jgħidu tkun imwieled b'talent, li tagħmel ħażin jekk ma tużaħx, u fuq kollox turi lil kulħadd kemm int tajjeb!
Il-problema kienet li apparat għas-sajd ma kelliex. Fuq kollox tad-dar ħadd ma kien dilettant, allura ridt nibda' kollox mil-bidu. In-Nanna sabiex tatini daqqa t'id nilħaq il-ħolma tiegħi ħallietni nidħol fil-kamra tas-sajd tan-Nannu, li wara li ġie nieqes, qajla daħlet darb'oħra fiha. Kamra żgħira u mudlama fil-bitħa tad-dar. Riħa ta' umdita' u fuq kollox mimlija xkafef żgħar magħmula bi ftit injam li probabbli kien isib fil-madwar. Fuq kollox kien hemm bottijiet bi ftit snanar tajbin, naqra ċomb u biċċa sufra, ftit xlief u fuq kollox bott b'taħlita tinten pesti biex iżżid mal-ħobż ħalli tiġbed aktar ħut lejk.
Kont saqajja mal-art, ma rajtx kbir. Kont ċert li mhux ser naqbad xi erba' kilos ta' lampuki. Fuq kollox in-Nannu u z-Ziju kienu jistgħadu b'apparat ferm akbar u aktar sofistikat. Pero li barmil nimlih, dik kont kunfidenti sew minnha. Qasba ma' kellix, u niftakar sew lil missieri jċedi għal qrid tiegħi u jixtrili waħda minn ħanut mimli affarijiet tal-baħar, ir-Rabat, Għawdex. Bil-paċenzja kollha, missieri beda jqabbad is-sunnara max-xlief, u mdawwar ma' biċċa njama ħalli ma jitgħaqqad xejn!
Fl-aħħar, kollox kien lest għall-avventura oħra. Il-qasba ġdida, barmil taż-żebgħa vojt, borża ċkejkna bi ftit ħobż mgħaffeġ u mħallat mat-taħlita tan-Nannu, u fuq kollox berita f'rasi. Warbuli għax ġej!
Naf li morna Marsalforn mal-moll tax-xatt. Hemm stajt nibda' narma kollox bil-kwiet u nibda' ntella dak il-ħut kollu li ridt. It-tajjeb kien, li ma kien hemm ħadd iktar, allura kompla jżid il-probabilita' li l-barmil nimlieh f'kemm trodd salib. Fuq kollox min kien jistad f'dak il-post hekk kien jagħmel.
Għaffixt biċċa ħobż taħt idejja, b'riħa taqsam ta' kollox, u tfajt is-sunnara, u bil-paċenzja kollha qadt nistenna l-ħut jaħtfu dak il-ftit ħobż li tfajt. Missni... imma ma tellajt xejn. Kont ċert li kważi qbadtha, u ma kienetx żgħira. Paċenzja, erġa pprova Dan! Erġajt tfajt...l-istess storja. Il-paċenzja bdiet tonqos, imma żammejt. Erġa... għal darboħra għal naqra... erġa itfa. Sadatant il-barmil għadu vojt!
Wara kważi sagħtejn indannat, b'riħa pesti fuqi, u bil-fatt li għadu lanqas tela' mqar makku wieħed li hu wieħed, ma' ġenbi ġie tfajjel bil-kemm jidher, forsi kellu dawk is-seba' snin. Kompetizzjoni diretta, imma fuq kollox, kien iżgħar minni u allura ma setgħax jibda' miegħi u mat-talent fid-demm!
Tfajna x-xlief flimkien, hu l-ewwel waħda u jien għal ma nafx kemm -il darba. M'għaddewx ħames minuti zgur li nara dan iz-zikk f'bott ta' ħdejja jissielet mal-qasba tiegħu għax qabad xi ħaġa. Bqajt sal-aħħar nittama li ser jtella' xi żarbuna, bħal ma konna naraw fil-cartoons, pero' minflok tela' ħuta l-ġmiel tagħħa.
F'ħames minuti ta... u jien sagħtejn hemm għaż-żikk ħa la ħarġet! Ħadtha ġewwa. Naf li żarmajt kollox u tlaqt 'l hemm, u bħal ħafna dellizji oħra, l-qasba baqgħet fuq ir-raff tistenna li xi darba nerġgħa nittanta xortija!
Comments
Post a Comment