Niftakar sew li l-biki li ser tiġi tarana z-zija tal-Kanada kien jibda' appuntu malli n-Nanna kienet tirċievi l-ittra b'din l-aħbar.
In-Nanna kienet toqgħod tistenna xi offerta tat-Telemalta, ħalli tkun tista' ċċempel liz-zija bl-irħis. Ma kienx jeżisti Internet u Messanger, allura telefonata ma' kienetx tkun xi ħaġa ta' ftit flus. Konna nismgħu fuq it-televixin li għal xi ġurnata jew tnejn telefonati għal barra kienu ser jorħsu. U peress li l-prezz kien ikun bil-minuta, allura in-Nanna kienet tagħmel sverjalin ċkejken ħdejha, ħalli t-telefonata iddum għaxar minuti bil-ħin. Xejn aktar u xejn anqas!
Nerġgħu għal ittra. Peress li n-Nanna ma kienetx taf taqra, allura kienet tistenna lil xi ħadd minn uliedha ħalli jaqralha l-ittra. Avolja l-istint tal-omm kien ikun hemm, u allura kienet xorta tiftaħ l-ittra u tibda' tolfoq hi u tħares lejn dik il-kitba. Xi ħaġa li ta tifel li kont ma stajt nifhimha qatt għaliex dak il-biki kollu!
Il-ġurnata li kienet ser tasal għid li kien meqjus bħala avveniment grandjuż għal familja kollha. Minn sbieħ Alla konna nqumu ħalli nlestu ma jmurx l-ajruplan jasal xi tlett siegħat qabel! Il-paniku kollu kien iqum u għid li d-dar ġenn sħiħ. Min iċempel l-ajruport ħalli jara fi x'ħin nieżel l-ajruplan (daqs li kieku fil-ħames minuti li għaddew inbidel xi ħaġa!) u min jara li ma nħallu lil ħadd l-art, speċjalment lin-Nanna!
Il-wasla tagħna ġewwa l-mitjar (l-antik) ta' Ħal-Luqa kienet evidenti. Folla mdaqqsa daqs li kieku ġej Elvis għal erba t'ijiem ġo Malta! Is-sala prinċipali ma kienetx kbira u ftit nies ukoll kienu jagħmlu konfusjoni. Kif jinstema' l-avviz li l-ajruplan niżel, konna dritt ġirja mmorru lejn il-gallarija, li dak iż-żmien kienet fil-miftuħ u bla biża' ta' xejn stajt tixxabbat u tiprova tkun tal-ewwel li tilmaħ liz-zija nieżla minn fuq l-ajruplan. Jien ta' żgħir li kont, ħana drabi kont nispiċċa wiċċi mal-ħadid, u niġi nitmellaħ minn dak kollu li qed jiġri madwari!
Kif xi ħadd miz-zijiet jilmaħa, għid li ser jibda' skoss għajjat, tixjir u biki... kollha fl-istess ħin. Ħsejjes strambi li ma tafx humiex xi ħaġa ta' ferħ jew tal-biża', pero l-kbir kien ikun għadu ġej!
Minn hemm kollha kemm aħna ġirja isfel ma tmurx tilħaq toħroġ, bin-Nanna bil-pass meqjus tagħha tiprova tlaħħaq ma kuħadd.
Ftit minuti wara, konna narawha ħierġa u l-biki jiżdied tant li ma tibqax tisma'. Minn hemm kienu jibdew għaxar minuti sħaħ ta' bews, tgħannieq u aktar bews, fost il-ħafna biki. In-Nanna bi kważi ħass ħażin kienet tieħu nofs dak il-ħin waħidha. Imbgħad iz-zija tibda iddur in-neputijiet wieħed wieħed, u waħda waħda.
U fost il-ħafna lataniji ta' "ara kemm kiber" u dak "kemm inbidel" u li "lanqas kont ngħarfek", kien jibda' ukoll il-ġbid ta' wiċċi u bews hi hu tgħajjatli bħala "Danny Boy"! Kienu ftit minuti imma biżżejjed sabiex nispiċċa b'nofs wiċċi aħmar bit-tiġbid u nofs l-ieħor bil-lipstick kollu li kien ikollha z-zija!
Issa ejja ħalli mmorru għand in-Nanna ħalli naraw x'ġabitli.... għax dak l-importanti!
Ritratt meħud minn Facebook
Comments
Post a Comment