Is-Sajf kien iġib miegħu ħin twil li ma kontx taf x'ser taqbad tagħmel. Għalkemm minn dejjem kienu javżawk sabiex forsi taqra xi ktieb u tmur sal-librerija, l-affa tas-sħana qajla kienet ittik nifs taħseb fuqha. Pero' qisu l-istess sħana ftit kienet tħalli effett hekk kif kont tisma' taħbita fuq il-bieb ta' barra, u issib lil sħabek jgħidulek biex tmur tilgħab magħhom.
Diġa semmejt kif ħafna mis-sjuf ta' tfuliti qattajthom fir-raħal pittoresk tax-Xagħra. Aparti l-futbol, li kienet logħba feroċi u missielta sew, ta' spiss konna nilgħabu logħob ieħor ukoll. Dan kien isir għal diversi raġunijiet, imma l-aktar kienu l-fatt li mal-klikka kienu jiżdiedu bosta bniet li l-futbol ma jinteressahomx, u fatt ieħor li xi wieħed jew tnejn minnha kienu jispiċċaw aktar moħħhom fil-ħarsa minn taħt ta' xi waħda minnhom, milli fejn irid jiskorja l-ballun!
Allura għal dawn ir-raġunijiet, l-logħpb kien jinbidel. Fil-Pjazza ta' Sant' Anton, tgħallimt ħafna mil-logħob tradizzjonali, li sa dak iż-żmien f'Malta, jew kien diġa inqata' jew inkella ħa isem ieħor u forsi laqta' aktar moderna. Imma f'din il-pjazza, tgħallimtom bil-mod klassiku, inkluż b'xi tkaxkira tajba fuq iż-żrar.
Waħda popolari li qatt ma kont smajt biha kienet il-logħba tax-xixu. Biċċa njama twila, inħabbtu fuq oħra iżghar u tolqotha. Il-glieda tibda' minn ser jaqbadha l-ewwel sakemm għadha fl-arja. Umbad jekk tolqot li xi ħadd f'wiċċu, kont tgħidlu ħokkha u tgħaddilek... jew tikber u tinsa'!
Oħra kienet il-ġbid tal-ħabel. Xi ħabel dejjem sibna jew iddubajna, u allura kienet tibda' kompetizzjoni grassa fost is-subien min ser jimpressjona l-aktar. Jibda' ħiereġ l-għaraq u s-saħħa, u fuq kollox kont ninduna kemm kelli bżonn nsostni aktar lili nnifsi, speċjalment wara xi ġibda tajba u nikolha minn tuli fl-art. Umbgħad kien hemm dawk klassiċi, l-ħarba, Gwerra Franċiża, il-Passju (forsi aktar kien assoċjat mal-bniet, imma konna nidħlu għalih kollha!), u forsi xi "Ara ġejja l-mewt għalik".
Qisu kelna hemm sal-eternita', u l-ħin ta' dan il-logħob ma konna nixbgħu minnu qatt. Pjazza konna nġennuha bl-istorbju, l-ġiri u l-għajjat. Min jittanta minn naħa u min moħħu fil-logħba li jmiss. Ma kellniex kwiet f'ġisimna.
Ħasra illum dak il-ġiri nqata', u l-istess pjazza flok tfal jiġru u jilgħabu ma tarax ħlief aktar spazju għal aktar karozzi!
Comments
Post a Comment