Għand tal-Merċa!

 


Niftakar sew li meta kienu jibgħatuni biex nagħmel ix-xirja mingħand tal-merċa, xejn ma kont nieħu pjaċir.  Dak il-post għalija kien assoċjat ma' ħafna nisa, min moħħu f'dik u fl-oħra, min jgħid daqs tellerita u min għax jarak żgħir u tiflaħ jgħidlek sabiex tgħinu fix-xirja tiegħu, u addio x-xirja tiegħek.

Il-mument ikrah kien jibda' mid-dar. Il-fatt li ridt noħroġ bil-basket tal-ħabel jew bit-trolley kien qata' kbira.  Mal-basket, kienet iżżidli l-kaxxa tal-bajd, u lista twila li ħafna minnhom kienu jkunu deskrizzjoni u mhux isem il-prodott... tipo pakkett tal-ħasil mil-aħmar, bott krema mil-aħdar!

Il-ħanut ma kienx wisq bogħod, u dik it-triq kont niġrijha, ma jmorrux jarawni sħabi u jgħiduli qisek tifla!  Kif nasal u nidħol ġewwa kien jibda' dulur ieħor. "Int mhux ta' Ġuża?" u "isma' boy... newwielli naqra' dak ħi... għal ruħ min għandek mejjet!"... u elf sentenza oħra jien u nistenna il-ħin tiegħi li ninqeda.  Ħanut tal-merċa ma kienx li tfittex l-affarijiet int, imma tistenna ħinek u jnewwillek kollox sid il-ħanut, u ara biss ifettillek tmisslu xi ħaġa minn postha.

Wara skoss nisa jqabżu l-kju min bi skuża u min b'oħra, u forsi ukoll għax bil-kemm kont nidher wara l-bank, kien fl-aħħar imiss lili.  Kont nibda' nipprova naqra dik il-lista twila, u jibda' kaos ieħor ta' nisa jipruvaw jiddeċifraw l-kitba ta' ommi u għal liema prodott qiegħda tgħid.

Għad li l-ħanut ma kien fih xejn, il-prodotti kont issibhom kollha. Uħud minn taħt il-bank, oħrajn mil-kamra ta' ġewwa, u oħrajn mil-għoli u allura kien iġib dik il-lasta twila twila ħalli jiġbed l-oġġett għal isfel, u tal-ħanut pront jaqbdu fl-arja qabel jispiċċa fuq ras xi ħadd.

Wara li b'xi mod jirexxieli inqiegħed kollox fil-basket, inluż il-bajd fil-kaxxa u il-kunserva fil-karta strazza, tal-ħanut kien jaddilli l-kont fuq strixxa tal-karti kollox imħarbexx bl-idejn u Alla biss kien ikun jaf liema hu l-prezz ta' xhiex!

Hekk kif noħroġ dak il-portmoni żgħir ta' ommi (xi ħaġa oħra li kont nistħi nuża!) naf li kont inħallas bl-amment mingħajr l-iċken idea ta' kemm qed noħroġ flus.  Li żgur kont dejjem nittama li jibqa' xi ħaġa żgħira tal-bqija, għax il-ferħ ta' dik l-avventura kollha kien appuntu jibda' hawn.

... mela newwilli żewġt ħelwiet taċ-ċenteżmu għat-triq!

Comments

Post a Comment