Dik il-famuża telefonata!

 

Telefon


Ferm qabel tfaċċa l-ewwel telefon ċellulari, u qabel bdew it-telecards, kien ferm importanti li miegħek iġorr ftit ċenteżmi, imqar ftit, kemm tagħmel telefonata.  Għalkemm id-dritt ingħid, qisu dak iż-żmien ftit konna nfittxu li nagħmlu użu, sakemm mhux ikollok xi namrata u tad-dar ma jirdukx ittella' xi kont kontun.

Iżda għalkemm ftit kellna għaliex nagħmlu telefonati, għalina dik il-kaxxa ħamra fil-pjazza kien fiha l-aqwa teknoloġija.  Hekk kif tidħol fiha, apparti r-riħa taqsam ta' awrina, kont issib sett iswed tat-telefon b'kaxxa tal-ħadid taħtu, b'buttuni 'A' u 'B' u elenku sħiħ bl-istampi ta' x'għandek tagħmel.  Dan kollu biex tagħmel sempliċi telefonata.

Ta' tfal li konna, l-ewwel ħaġa li konna nagħmlu kienet li ndaħħlu idejna minn fejn jinżlu l-flus.  Dejjem bl-isperanza li xi ħadd li daħal qabilna ħalla xi żewġt ċenteżmi fil-post, u min kien isibhom kien iħossu sinjur ċkejken.

Imbgħad jibda' skoss logħob b'dan l-imniefaħ telefon.  Il-fatt li kont tisma' ħoss malli tgħolli r-receiver, kien parti mil-logħba.  Nħossuna kbar qed nagħmlu telefonata importanti, jew inkella li qegħdin f'xi nofs film u qed nagħmlu xi telefonata ta' emergenza.

Darba fost l-oħrajn, wieħed minnha ġietu l-idea li nġibu ċenteżmu kull wieħed u nagħmlu telefonata ta' vera.  Telefonata taparsi qed irridu nkellmu lil xi ħadd, li ċans kbir ma' jeżistix.  Għandna xorti konna nafu numri tat-telefon, aħseb u ara dak ta' quddiemna kif jaħdem tassew.  Imsomma, b'xi mod jew ieħor żerzaqna idejna fil-portmoni, u sibna ċentezmu kollha kemm aħna.  Ftit wara erġajna ltqajna l-pjazza quddiem dan l-apparat.

B'attenzjoni kbira segwejna l-istruzzjonijiet... għolli r-receiver,  itfa' ħames ċenteżmi wieħed wieħed, u dawwar in-numru... kif tan-naħa l-oħra jwieġeb, afas bis-saħħa kollha l-buttuna 'B'... u ibda' tkellem.  Sempliċi hux!  Imma fejn ser nċemplu?

Xi ħadd ieħor ġietu l-idea, li kull wieħed jgħid numru, u flimkien f'daqqa jagħmlu numru ta' xi ħadd.    Tajba... hekk tassew ikun numru addoċċ, imma l-aqwa li nagħmlu din iċ-ċajta.  In-numru ktibnieh b'biċċa ġebla mal-ħajt ħalli niftakruh.  Tfajna l-flus, ġiet il-linja, u bdejna nitfgħu l-flus li ħaddna bil-moħbi.  Dawwarna n-numru li kellna, u stennejna tan-naħa l-oħra jwieġeb... 

Ta' żatat li kont, dħalt għaliha jien sabiex nitkellem, u kont lest b'ton oħxon ta' raġel taparsi għandna bżonn lil xi ħadd.  Mal-ewwel nifs, tajt is-sinjal lil oħrajn sabiex jafsu l-buttuna, ħalli nibda' nitkellem... pero kif kont ser niftaħ ħalqi, smajt in-naħa l-oħra jgħidli.... "Hello.... għassa tal-Pulizija Mosta...x'għandek bżonn?"

Ma' nafx aktar x'ġara, pero naf li twerwirt u qtajt niġri, u għidt lil kulħadd jiġri 'l barra.  Ta' tfal li aħna bżajna mhux ħażin li ġejjin għalina!

Probabbli min seta' daħal warajna, sab xi ftit ċenteżmi... li hu żgur li dak in-numru mnaqqax fuq il-ħajt baqa' jfakkarna fil-bawxata li dakinhar stajna dħalna fiha!




Comments