Niftakar meta bi ftit flus fil-but kont inħossni sinjur żghir. Fl-istess ħin, il-fatt li fil-but kien ikolli xi ħaġa tal-flus, kien ifisser ukoll li tħossok li kbirt.. ftit!
Ta' kull l-aħħar tal-ġimgħa, missieri kien jagħtini xi ħaġa żgħira tal-pocket money. Il-flus kienu jiżdiedu ftit ieħor meta kont immur nżur lin-Nanniet. Mal-benedizzjoni, n-Nanna kienet ta' spiss iżżerżaqli xi munita jew tnejn ukoll. Ftit ċekċik imma għalijja kienu jkunu ħafna. Imma dawk il-ftit riedu jservu għal ħafna ukoll.
Dak iż-żmien kien differenti ukoll, għax jew ftit kellek x'tixtri jew fejn tonfoqhom, jew inkella għax l-affarijiet ma kienux forsi prezzijiet kbar.
Imsomma, bil-flus fil-but kien mezz ieħor kif niddandan li għandi ftit muniti 'tiegħi'. Niftakar sew li parti sostanzzjali minnhom kienu jintefqu f'ħelu differenti, ħafna drabi bl-użin. Xi maqrut mil-gabbana tal-Belt, għal 5ċ, jew inkella xi pakkett Bacos, ħalli fih infittxu dak il-gugarell ċkejken.
Inkella xi biċċa ċikkulata Desserta imma dik kienet tiswini xi 10ċ! 10ċ kienu ħafna, għax bl-istess prezz stajt nagħmel xi logħba billiard ma sħabi jew inkella xi waħda table soccer! Iva... table soccer. Imma dik l-imniefaħ logħba konna nintilfu magħha. Imma 10ċ kull logħba kienu wisq. Noħorġu 10ċ kull wieħed u kien ikollna għal erba' logħbiet.
Meta xbajna nonfqu flus fuqha, xi ħadd minnha (probabli jien!) ġietu l-idea li nwaqqfu l-molla tal-kaxxa ħalli l-blalen jibqgħu neżlin, u ma nibqgħux nonfqu. Trid tkun ġenju żgħir imsomma, għax qajla kont taħseb li Alla ħares kien jarak tagħmilha sid il-magna.
Mela 10ċ għal logħba u 10ċ oħra twaħħal il-molla u divertiment garantit! Konna nintilfu litteralment fuqha u pika qawwija qisna qed naraw l-aqwa logħba professjonali.
Dan sakemm kien ifettilu jistenbah il-barman u tibda' tokru għajnejh kif erba' qriemeċ ilhom sagħtejn jagħtu fuq din il-kaxxa mingħajr ma jisma' ħoss ta' muniti nieżlin.
Min hemm ġirja nneħħu l-munita' minn mal-molla... u nkomplu l-aħħar logħba daqs li kieku qatt ma kien xejn!
Iġri jasal tmiem il-ġimgħa...ħalli naqla' 25ċ oħra!
Comments
Post a Comment