Il-Ħadd filgħodu konna niltaqgħu ma żewġt familji oħra u nerħulha kollha f'daqqa għal ġurnata baħar.
Maghna konna nġorru nofs id-dar; siġġijiet, ikel u xorb kemm trid, cooler daqs kommodina, mejda għal waħda tnejn, flippers, maskli, żraben tal-baħar, xi lilo jew dinghy ma jonqsux, barmil u pala u fuq kollox biċċa umbrella. Din l-umbrella kienet isservi għal kollox ħlief biex tagħmel id-dell. Min jitfa' l-ħwejjeġ magħha flok fil-basket, min inixxef ix-xugaman, u jekk tagħmel buffura riħ biex naraw spettaklu ta' xi ħadd jiġri warajha!
Minn sbieħ Alla konna nibdew nippakkjaw u nispiċċaw karozza ippakkjata sa ruħ ommha daqs li kieku ser nemmigraw lejn l-Awstralja! Is-saqaf ma kien jeħlisha għax kien jispiċċa mgħobbi u b'ħafna rbit ta' ħbula minn naħa għal oħra. Karozza tal-ħbieb tagħna ma kienet tkun xejn anqas, u tista tgħid kollox kien jispiċċa għandna bħalu d-doppju sakemm mhux ukoll triplu!
Msomma, ta' tifel li kont, ġurnata baħar kienet tfisser li nsir perit għal ġurnata u f'moħħi jkolli elf pjan ta' kull kastell possibli minn dak ir-ramel! Dan kollu jisfaxxa hekk kif 'il-kbar' kienu jifthemu li dik il-ġurnata mmorru Delimara!
Delimara? Għal tfuliti Delimara kien ifisser ħafna affarijiet. Fuq kollox kienet tfisser il-ħolm mkisser li ma tistax tagħmel lanqas kastell wieħed u l-biża minn dak il-fond speċjalment meta kont għadni ma nafx ngħum!
Minn hemm kont nispiċċa qisni l-iblah bil-barmil u l-pala nħares lejn dak il-baħar fond u niprova nifhem xiz-zokk ser nagħmel matul dik il-ġurnata b'dawk il-barmil u pala!
u hekk qed .. xjambijom il barmil u il pala!! imma hemm wisq sabih propjamen il kalanka kona insejhulu hemm
ReplyDelete