Tfal tax-Xagħra - Tieni parti




Diġa rrakkuntajt li ħafna minn tfuliti qattajtha fir-raħal tax-Xagħra.  Kienet tfulija li ltqajt ma' ħafna ħbieb ġodda u li mingħandhom tgħallimt ħafna logħob differenti u sempliċita' f'ħajja kwieta, meta Malta kienet diġa meqjusa ħafna aktar miġnuna mil-gzira Għawdxija.

S-Sajf kien iġib miegħu avventuri kbar u fuq kollox drawwiet ġodda.  Biż-żmien innutajt li l-famuża pjazza ta' Sant' Anton kien hemm żmien li t-tfal jisparixxu kollha.  Kont nispiċċa waħdi u ma nafx fejn sparixxa kulħadd.

Imma qabel kien mod ieħor.  Kien hemm mod partikulari kif tiskopri fejn qiegħed kulħadd.  Ma kelniex mobiles jew Facebook ħalli tiftihem.  Kull ma ridt hu li tfittex fejn hemm ċorma roti fejn xulxin, għax ibqa' ċert li kulħadd kien qiegħed hemm.  U ix-Xagħra dan il-post ħafna drabi kien ikun il-Mużew tas-Subien!

Minn hemm 'il quddiem rajt kif għamilt u ikkonvinċejt lil missieri u jixtrili rota.  Dak iż-żmien ma kontx tfaqqa' subajk u tiġi, imma tkun bil-patt li tmur tajjeb fl-eżamijiet.  Ma kienetx ġdida imma ried jeħles minnha ħabib tagħna, u ma kien fiha xejn speċjali imma għalijja kienet biżżejjed u kont niddobba.  Biżżejjed biex kif isiru is-sitta ta' filgħaxija nerħulha kollha f'daqqa għan-niżla tan-Nazzarenu ħalli mmorru l-Mużew.

U hemm it-tifel Malti kien milqugħ tajjeb ukoll... żidt fil-ħbieb... u bdew aktar piki fuq il-futbol!

Kien tassew żmien ieħor!

Comments