X'ċuċ huma r-regoli tal-FIFA rigward il-futbol! L-aqwa regoli ta' din il-logħba aħna biss konna nafu nagħmluhom sew!
Il-grawnd kien ikun kullimkien. Jekk ma kienetx il-pjazza ta' Sant' Anton ix-Xagħra, mela allura kienet tkun l-pjazzetta ta' ħdejna, iz-zuntier tal-knisja ta' Raħal Ġdid (sakemm nistennew l-private tal-iskola) jew inkella xi għalqa ftit 'il bogħod. B'xi mod, post dejjem sibnih, anke jekk kien ikun ristrett, jew kbir iżżejjed, logħba dejjem saret.
Il-ballun dejjem b'xi storja. Jew kulħadd jassumi li ser jġibu ħaddieħor, u nispiċċaw b'xejn, jew il-wieħed li kien ikollna kien ikun diġa ruħ ommu fi snienu, u ma l-ewwel daqqa kien jibda' nieżla l-arja ta' ġo fih. Il-mument lussu kien ikun meta għal ballun kien ikollna tnejn jew tlieta... lussu kbir qisna t-tim nazzjonali!
Referee insieħ, ma kienx jeżisti u ma kienx hemm postu. It-timijiet qatt ma kienu uffiċjali. Suq tat-trasferimenti ma kienx jeżisti. Kollox ta' dak il-ħin. Iż-żewġt subien il-kbar, jew dawk meqjusa minn kulħadd bħala 'tajbin', kienu awtomatikament meqjusa l-kaptani ta' kull skwadra! Għalik u t-tieni int...min jiġi jibda' jagħżel. Ma ridtx xejn biex kien hemm xi tletin tifel minn fejn tagħżel!
It-tfal l-oħra kienu jibdew jintażlu mit-tajjeb sal-inqas tajjeb...f'dik l-ordni. Ħafna drabi dejjem kien ikun hemm dak il-miskin li ma jridu ħadd, u li ħafna drabi kien jew jitħala barra, sabiex kull tim ikun indaqs, jew inkella xi ħadd jgħid "Dak ħuduh intom!"...daqs li kieku bih u mingħajru xorta!
Lasta ta' malajr, jew il-basket tal-iskola u mitfuh addoċċ, jew xi kantun jew inkella marka mal-art. L-għoli tal-lasta kien dejjem determinat skont l-istatura tal-gowler! Dan ma kienx inaqqas l-argumenti tul il-logħba kollha kienx għoli jew ġewwa!
Il-ħin qatt ma kien fiss lanqas. Żgur kien ħafna aktar minn logħba normali. Qisu l-għajja u sħana ma konniex inħossuha. Biss hekk kif sid il-ballun ikun sarlu l-ħin, għid li l-logħba tkun waslet lejn it-tmiem tagħha.
B'xi skor ta' 20 bi 17, ħafna drabi meta tkun ser tispiċċa, d-deċisjoni kienet ħafna drabi tkun li min jiskorja dan, ikun rebbieħ, irrilevanti l-iskor!
Msomma, kienet x'kienet, konna nieħdu pjaċir... għax l-aqwa li bir-regoli tagħna!
Comments
Post a Comment