Meta, u verament meta, kien jirnexxielek issib il-kuraġġ u tagħmel appuntament ma' xi tfajla sabiex toħorġu waħda flimkien, il-post fejn niltaqgħu kien dejjem ikun Bieb il-Belt. Propjament, il-post konna nsibuh b'isem ieħor; jew fejn tal-cassettes, jew fejn il-Valletta sign, inkella fejn tal-ħalib, jew kif kien magħruf minn bosta, iż-żejża club!
Imsomma, kien x'kien ismu, l-importanti kien li l-appuntament iseħħ. Fl-istess ħin li ridt toqgħod attent li tarak qed tistenna u mhux qtajt qalbek li ħa tiġi, ridt issib post sikur 'il ġewwa li ma tmurx taqla' daqqa ta' xi xarabank.
U jekk l-appuntament inżamm, allura jew titilqu għal tul triq ir-Repubblika, telgħin u neżlin għas-serata kollha, u tiprova lanqas tmissilha idejha ma tmurx tgħidlek li qed tiġri fir-relazzjoni!
Dawk l-aktar b'kunfidenza, kienu forsi jaslu li jmorru sal-Premier u hemm jieħdu kafe' u xi pastizz waqt li jgawdu il-mużika minn erbgħa dillettanti imma ħafna drabi professjonali!
Il-bqija, jekk ma tiġix għal dak l-imniefaħ appuntament, u biex ma taqax għaċ-ċajt ma sħabek li bqajt b'xiber imnieħrek, kont tintefa' bilqiegħda mal-funtana tat-Tritoni, bl-isperanza li tiġi xi waħda ħdejk li kellha l-istess destin kiefer.
U minħabba dak l-istess destin, kont tispera li tirranġa magħha imqar għal dak it-tmiem ta' ġimgħa!
Comments
Post a Comment