Tfuliti fis-Sajf kienet ħafna minnha tkun fil-ħemda tar-raħal tax-Xagħra. Tlett xhur tas-Sajf sħaħ niprova naddatta għal ħajja trankwilla ta' raħal, għal kollox differenti minn Malta.
Tul dawk il-vaganzi, ridt nitħallat mat-tfal tal-lokal li għal ewwel ma kienetx faċli. 'Ġej il-Malti'...kont spiss nisma', u addio il-vera ismi. Bil-mod, dħalt fil-klikka tal-pjazza ta' Sant' Anton, u hemm sar il-grawnd tal-futbol preferit. L-entratura għal sqaq kien il-lasta naħa, u bejn żewġt bibien il-lasta l-oħra.
Ħin infint ta' logħob u meta nixbgħu mil-futbol, kien jibda' logħob ieħor. Tiġieġa l-għamja, gwerra franċiża u Ħarba. Ġiri, għajjat u ħafna aktar ġiri. Umbad tibda' xi logħba noli, u povru min jibda' għax f'dak l-infinit ta' dik il-pjazza, qatt ma kien isib lil ħadd!
Ma konna ngħajjew qatt u għalxejn kienu jgħidulna biex nkomplu xi ħaġa ta' skola, għax moħħna kien dejjem fil-logħob.
Dik il-pjazza għadha iġġibli memorji kbar, u kultant niftakar f'dawk il-ħbieb li kont għamilt u li kont nistenna sena wara l-oħra sabiex nerġgħu nibdew avventuri ġodda.
Minn hawn inselli għalihom... u għad li hemm uħud erġajt sibthom wara tant snin, oħrajn intilfu fost il-ħafna ġenn tal-llum, u baqgħu biss memorji u tifkira għażiża.
Comments
Post a Comment