Il-ġlieda mal-aerial!



Ma nafx hux apposta jew le, imma t-televixin kellu ħabta li malli nibdew ser naraw xi ħaġa interessanti, għid li ser jibda' juri r-ross!

Bejn tisbita u oħra, kien jibda' t-tħaxwix u ftit wara titlaq l-istampa kollha.  Minn hemm kienet tibda' battalja bejn missieri u l-aerial ta' fuq il-bejt. Hekk kif jasal hemm fuq, kien jibda' jdawwar fil-għama sakemm xi ħadd minnha minn isfel jibda' jgħajjat li l-istampa qed terġa tiġi.  Ċaqlieqa żejda u jkollok terġa tibda' mil-bidu.

Ġili ma xi titdwira żejda kien jinqabad xi stazzjon ieħor, jew inkella jibda' jaqbad xi radju għarbi b'ħafna għajjat qisu ġej minn xi moskeja!

Imsomma, sakemm isir dan kollu, u sakemm l-istampa tiġi tassew lura għan-normal, tista tgħid li tkun tlift nofs il-film jew x'kont qed tara.

Minn hemm 'il quddiem, kont titlob għal tliet affarijiet - li dak li kont qed tara jagħmlu repetizzjoni tiegħu, li l-istampa ma terġax titlaq, u fuq kollox li ħadd ma jieħodlok postok sakemm mort tagħmel pipi!

Comments