Għawdex għalhekk kien uniku! Ma' stajt tmur inkien li ma ssibx ftit natura madwarek u ta' tifel imrobbi f'raħal li kien diġa beda l-ġenn tiegħu, allura post bħax-Xagħra kien ġenna!
Is-Sajf ma kienx iġib miegħu logħob fit-triq u għawm biss, imma kien ukoll żmien li stajt tgawdi ftit natura, avolja ħafna minnha kienet tkun maħruqa sew bix-xemx tikwi t'Awwissu!
Sħabi kont spiss nsemmielhom kemm inħobb il-bajtar, u kont niskanta kif bosta minnhom ma tantx kienu jagħtu kasu! Niftakar sew lil missieri jbakkar filgħodu b'xi barmil u ftit gazzetti jerħilha sabiex jimla' dak il-barmil b'dik il-frotta bnina, li meta tkun kiesħa kienet tinżel għasel wara xi ikla!
Ta' tifel mqareb li kont, ridt li din l-avventura ta' kmieni filgħodu nagħmilha jien ukoll. Kollox kien lest qisni sejjer l-aqwa missjoni spazjali. Ħbieb kienu avżati ukoll, avolja aktar għalija kienet diffiċli sabiex inqum kmieni qabel tibda' tiżreġ ix-xemx.
Bejn waħda bir-ras u oħra rnexxieli nkun fil-pjazza lest għal qata' tajba ta' bajtar, li skont sħabi kienu jafu minn fejn insib l-ikbar u l-itjeb. Niftakar mxejna mixja tajba sa fejn in-naħat tas-Sellum, qrib ħafna taċ-cimiterju tal-lokal. Dak il-ħin ta' ftit dawl xorta tibda' tistkerraħ l-ambjent.
Man-niżla kienu pronti urewni qabda bajtar il-ġmiel tagħhom tant li kont diġa qed narahom f'żaqqi. Minnufih dħalt għal azzjoni daqs l-aqwa eroj, mingħajr ma ntbaħt il-ħafna aktar bajtar li kien hemm taħti. Forsi n-nuqqas ta' tul u nuqqas ta' melħ f'moħħi, naf li spiċċajt mimli minn fuq s'isfel xewk!
Ma kienx bajtar li pruvajt naqta' u l-barmil ma mlejtux kollu lanqas. Imma dawk il-ftit li qtajt niftakar li niżlu aktar għasel minn kwalunkwe bajtar ieħor.
Naf li spiċċajt nieklu fil-bitħa... sakemm missieri u ommi bil-paċenzja kollha qadu bil-pinzetta jaqalawli x-xewk kollu minn ma' saqajja!
Comments
Post a Comment