Kull darba li mmorru x'imkien u xi ħadd kien iġorr kamera tar-ritratti, għid li konna nagħmlu xalata. Kien apparat li jaffaxxina u li kien okkażjoni tajba li nieħdu ftit ritratti mhux hażin ħalli dik il-ġurnata nżommu rikordju tajjeb.
Sidha ħafna drabi kien jinqabad f'sitwazzjonijiet differenti. Bejn kulħadd idur miegħu jħares lejn dak il-mudell ġdid tal-Kodak li ftit raw bħalu, u fl-istess ħin ma jibda' jafda lil ħadd minn ta' madwaru ma jmurx dik il-kamera tispiċċa stilla mal-art!
Il-fatt hu li għal dakinhar għid li konna ser nġennuh żgur. Ħudilna wieħed hawn, ħudilna wieħed hemm u ma' kull ritratt miġbud ħadd ma kien jaħseb li dan il-miskin wara jrid idaħħal idejh fil-but ħalli dawk ir-ritratti kollha jmur ħalli jiżvilupphom. U darba jkunu lesti, qajla kien ikun għad hemm min għadu interessat joħroġ sehemu minn dik l-ispiża!
Darba morna Ħaġar Qim, u ġara l-istess. Kulħadd tħajjar, u dan il-proxxmu miskin prova jikkuntenta lil kulħadd. Ritratt ħa ta' kulħadd. Din id-darba ftehmna li kulħadd joħroġ sehemu kif suppost, u bil-quddiem! Film ħlieħ kollu fuqna, u qalilna li dakinhar filgħaxija stess kien sejjer jieħdu għal żvilluppar.
L-għada ġie bir-ritratti f'idu, kulħadd kien lest biex għal flus li ħallas jieħu ritratt tal-ostra tipo ta' mudell bħala tifkira. Ma kienx hemm wieħed sura, min bla ras u min jidhru saqajh biss. Addio tifkira!
Ma nafx kienetx apposta, imma wara dakinhar, ħadd qatt ma reġa' talbu jieħodlu ritratt ieħor!
Comments
Post a Comment