F'dik in-naqra Austin 1100 konna nidħlu l-familja kollha. Magħna kienet tidħol n-Nanna ukoll, u ħafna basktijiet magħna ma mmorrux mmutu bil-ġuħ sakemm induru dawra bil-karozza.
Għalkemm it-temp kien diġa beda jaħraq sewwa, kien għadu mhux żmien il-baħar peress li l-eżamijiet kienu għadhom ma għaddewx, allura qabel kont neħles mil-aħħar wieħed, ma stajtx lanqas inniżżel imqar subgħajja l-kbir fil-baħar. L-idea li timrad u titlef l-eżamijiet kienet il-ħin kollu tissemma. Sakemm jgħaddu, dawra bil-karozza biss, u sadatant tinħaraq tara uħud minn sħabek diġa suwed faħma u skarnati bix-xemx!
Id-dawra bil-karozza kienet ġlieda sħiħa tul il-vjaġġ, avolja ħdejn it-tieqa kien ipprojbit ukoll peress li kont żgħir. Posti dejjem kien fin-nofs, bejn ħija u n-Nanna.
Tul il-vjaġġ, radju ċkejken li aktar itextex milli tisma' u l-vuċi ta' John Muscat bil-programm ta' nhar ta' Ħadd. Bejn ċajta w oħra, konna nisimgħu ftit aġġornamenti sportivi mil-kampjonati barranin.
Il-baskett kien ikun mimli sa ruħ ommu ikel, fosthom xi dixx imqarrun imgeżwer ġo sarvetta ħalli jibqa' sħun. U ma setgħax jonqos thermos kafe' għal wara nofsinhar.
Umbgħad kif naslu, kulħadd ifittex dik ir-roqgħa dell ħalli l-aptit ta' għawma żgur ma jiġix.
Iġri nlesti dawk l-eżamijiet ħa ninżel ngħum...
Comments
Post a Comment