Tifkiriet għandu kulħadd, u kulħadd, b'ċerta nostalġija, jirrakuntahom daqs li kieku ġrawlu l-bieraħ. Mintiex waħdek, u jien hekk ukoll.
Meta bdejt il-paġna NIFTAKAR META fuq Facebook, kollox beda bl-istess mod. Nostalġija ħajja ta' memorji u tifkiriet li jekk ma tieqafx u taħseb fuqhom, tista' tgħid li tinsijhom. Xtaqt li ċerta memorji jibqgħu ħajjin, u tant ieħor jibqgħu ħajjin dawk kollha, speċjalment dawk li llum m'għadhomx magħna, li magħhom qsamna dawn il-memorji.
Issa wasalt għal stadju ieħor u paġna ġdida. 'Niftakar meta' hu proġett ta' ġabra bil-fuq minn 600 tifkira (s'issa) qasira li tnissel nostalġija. Pero' ħsibt sabiex nibda' nikteb stejjer qosra, fejn inkunu nistgħu niftakru aħjar f'dawn il-memorji li issa għaddew.
Għalkemm ħafna mit-tifkiriet nista ngħid li huma affarijiet li għaddejt minnhom fit-tfulija tiegħi personali, nassigurakom li t-tifkiriet ma jridu jweġgħu lil ħadd u kull tifkira hija biss sabiex niftakru fi żmienijiet oħra mingħajr ebda ħsieb ħażin jew inkella xi forma ta’ ħsieb ieħor.
J'Alla dan il-blogg iġib fuq kollox tbissima, nostalġija u forsi ukoll xi demgħa żgħira, basta imma li nilħaq l-iskop ewlieni, dak li niftakru f'dak kollu li għaddejna minnu.
Tislijiet,
Daniel
Comments
Post a Comment