Mit-tieqa tan-Nanna




It-tieqa tan-Nanna kienet tagħti għal fuq it-triq.  Karozzi ftit li xejn, u qajla kont nara tfal oħrajn li stajt inkompli magħhom fil-logħob.  Ma ġenb din it-tieqa ċkejkna kien hemm niċċa żgħira li qatt ma nafha mimlija b'xi qaddis, pero naħseb li l-iskop dak kien.  San Ġużepp (minħabba li n-Nannu kien Ġużeppi) probabilment baqa bir-riħa, u fin-niċċa ma spiċċa qatt.  U għajnejja kienu spiss jaqgħu fuq din il-ħofra fil-ħajt.  Kif tista' tħalli post hekk vojt.

Darba fost l-oħrajn, wara lejl għand in-Nanna, fost ħafna posti ta' rużarju u aħbarijet ta' mwiet fuq ir-Rediffusion, kont bdejt ndawwar ġo moħħi kif ser ngħaddi dik il-ġurnata.  Kelli miegħi il-Big Jim. Pupu immuskolat b'libsa ta' suldat, il-Barbie verżjoni tas-subien għal min ma jiftakrux.

L-idea kienet sempliċi, li dik il-famuża ħofra fil-ħajt fl-aħħar issib il-Qaddis min jimliha!  Big Jim f'temp ta' ftit minuti tneżża' minn suldat kuraġġuż għal qaddis bibbliku liebes tgeżwira tipo Gaddafi fl-aqwa tiegħu.  Ma kienx jintgħaraf, u għalijja kien perfett għal is-skop.

Ftaħt it-tieqa u iġġebbidt ħalli San Big Jim jieħu postu b'mod trijonfali fin-niċċa fost l-entużjażmu tal-marċ u partitarji, li ma kienu mkien ħlief fil-fantasija tal-logħba tiegħi.  San Big Jim deher perfett u maqtugħ għal parti, b'idejh mgħollijja qisu qed jbierek t-triq.

L-ewwel ma ratu n-Nanna hi u ġejja mqandla bix-xirja ħaxix, u l-ewwel ma ġie f'moħħha kien li stajt bqajt nieżel għal isfel u malajr kont nara l-Qaddisin kollha!

Il-ħasla li qlajt għadni niftakarha sew... San Big Jim...itlob għalijja!

 

 

Comments