L-ikla tan-Nanna!



Il-ħoss tal-ispiritiera kien jibda' jistema' minn kmieni filgħodu meta lanqas tkun għada feġġet ix-xemx.  Il-pitrolju ta' ġo fiha kien ikompli jżid mal-irwejjaħ tad-dar.  

Pero' ftit wara din ir-riħa kerha, kienet tinbidel f'waħda li timla' d-dar b'riħa tfuħ u taqsam ta' ikel li kien jissajjar bil-mod il-mod matul il-ġurnata.

L-istess riħa kienet tasal tul it-triq kont, fejn kont ixxomm l-irwejjaħ ta' kull ħaġa li qed issir minn kull min joqgħod fl-inħawi.

U sakemm l-ikel kien qed itektek, kont probabbli tisma' l-ġara qed  tħabbatlek (sakemm ma taqbadx u tidħol ukoll!) għax naqasha xi naqra tewm, jew bżonn ta' xi ftit tursin.  Jekk mhux għal ħaġa, ibqa' ċert li kienet tiġi għal oħra.

Imma l-ikel tan-Nanna kien ikun tajjeb wisq.  Kien jogħġob lil kulħadd, tant li kulħadd kien isib xi skuża sabiex jgħaddi jżurha u fl-istess ħin iduq ftit minn dik it-tjubija.  Dan kien iwassalni li mhux l-ewwel darba ma ridtx xejn biex minn dak li kienet tlesti ommi, u nispiċċa niekol xejn.  Jaħasra, minn kollox kienet tagħmel biex forsi niekol minn tagħha.

Darba niftakar in-Nanna għamlitli laħam fuq il-fwar, u ma setgħax jonqos, la kien tan-Nanna, kiltu kollu. Lil ommi għidtilha li ma tagħmlux tajjeb daqs tan-Nanna!  Niftakar sew, li kien niżilli għasel!

Pero', meta kbirt sirt naf li dakinhar il-laħam kien minn ta' ommi, u mhux lestietu n-Nanna!

Comments