Fl-aħħar... għal baħar!



Fl-aħħar l-eżamijiet għaddew.  Sakemm nistennew ir-riżultati kollox sew, stajt ingawdi l-vakanzi b'ċerta serħan il-moħħ.  Fl-aħħar stajt nibda' ngawdi l-baħar ukoll, li sa dakinhar kien ipprojbit.

Jum l-Imnarja ħafna drabi kien il-jum tal-ewwel għawma.  Minn kollox kont nlesti.  Ġurnata twila u konna nġorru magħna minn kollox, daqs li kieku sejrin għal sena.  Picnic cooler, mejda, siġġijiet, ikel, xorb, barmil u pala, flippers u maskla u fuq kollox l-umbrella, avolja qajla xi ħadd kien joqgħod taħtha.  Xi kultant kont naħseb li l-iskop tal-umbrella kien biss ħalli l-ikel ma jisħonx, u għal xejn aktar.  Ix-xemx tbaskat fuq dahrna ftit konna nagħtu kasha.  Qisna konna nieħdu pjaċir li qed niswiedu bix-xemx, u sal-għada dahrna kien jibda' jitqaxxar u stajna nuru lil kulħadd li morna ġurnata baħar!  Imsomma, nerġa' għal dak il-jum.

Fl-aħħar wasalna.  Kont diġa mil-bogħod qed nara lil sħabi jaqbżu f'dak il-baħar ċar kristall.  Battalna il-karozza minn kollox, u fl-aħħar sibna post tajjeb fejn stajna nilħqu l-baħar faċilment, fettilli ngħid li għandi l-ġuħ.  Għad-differenza tas-soltu, fejn kelli forsi nissaporti jew nintalab nistenna, ingħatajt biċċa ħobż mħawwra b'kollox.  Kull qata ħobż li ridt iċċarrat ħalqek ma' jmurx jaqa' xi ħaġa minn ġo fiha.

Kif lestejtha, ġirja inżajt il-flokk u x-xorts, u flip-flops ma nafx fejn taru. Maskla f'idi u lest ħalli nintefa' f'dak il-baħar ma sħabi.  Hekk kif ser nagħti s-salt ħalli naħrab, inħoss idejn missieri jżommni lura u jgħidli li ġaladarba kilt, ridt nħalli nofs siegħa qabel niżel ngħum għax jagħmilli d-deni!

Ostrinaaaaa.... ma kenitx biċċa ħobż li mort niekol.  Erġa stenna bħaċ-Ċ bit-tikka!


Comments