L-avventura, jekk ridt issejħilha hekk, kienet tibda' malli tasal fuq l-istejġ f'xemx tiżreġġ. Meta fl-aħħar kien jasal ix-xarabank, għid li ser jwaqqaf f'nofs ta' triq, b'serbut karozzi jistennew bħal ċwieċ warajh. Għadek bil-flus f'idejk, ikun diġa beda jżarżar il-gear lever u karozza tibda' tiċċaqlaq ma' kull skoss. Ridt iżżomm sod għax malajr terġa tispiċċa fuq l-istaffa u taqa' 'l barra.
Meta fl-aħħar tħallas, u tispiċċa b'xi ħaġa nieqsa fil-bqija, tieħu l-biljett, u tmur tipprova ssib postok. Bejn tisbita u oħra, fl-aħħar tasal jew fuq is-seat ta' fuq ir-rota, jew ta' wara nett. It-tnejn li huma kienu jġibulek il-warrani mbenġġel. Pero kien l-aħjar post fejn stajt tosserva dik l-avventura kollha.
Mas-seat ta' quddiemek, skoss tħażżiż fuq dak iħobb lil dik, kliem ħażin u biljetti antiki mwaħħla. Taħt is-seat xi xkupa u barmil lesti għat-tindifa għal meta ix-xufier jispiċċa r-ronda tiegħu.
Minn hemm kont tosserva aħjar ix-xufier. Raġel mdaqqas, fanatiku ta' Elvis. Tinduna mil-ħafna stampi u madwaru u mill-istil uniku ta' xagħru. Quddiemu xi gaġġa żgħira b'verdun jgħanni ma' kull ħoss. Fuq rasu niċċa żgħira, u fost ħafna santi tal-mejtin, ismijiet ta' tfal u żwiemel, kont issib il-kliem 'Verbum Dei Caro Factum Est'.
Il-passiġġieri kienu uniċi ukoll. Jekk kont taqbad tal-linja skond is-siegħa, għid li kuljum kont ser tara l-istess nies, bilqiegħda fl-istess post. Xi tnejn jitlewmu fuq it-tieqa jekk tkunx miftuħa jew magħluqa, xi oħra tgħid ir-rużarju b'vuċi għolja, u xi ieħor mejjet nin-ngħas u rasu titbandal ma' kull skossjatura.
Minn stejġ għal ieħor kienu jibqgħu telgħin in-nies. Xarabank ma jiflaħx aktar u xorta jibqa' jghabbi. Umbad meta xi ħadd jiġbed il-famuż ħabel u ddoqq il-qanpiena mżarżra, għid li kien iqum putiferju sħiħ sakemm dak il-miskin isib triqtu 'l barra, fost l-għajjat li għadu ma' nizilx kulħadd!
Mal-wasla l-Belt, kulħadd jibda' jqum, ħafna qabel tal-linja issib postha u tintefa' l-makna. Kaos sħiħ kulħadd irid jiżel l-ewwel wieħed.
Jien, biex neħles minn dak il-ġenn, kont naqbeż mil-bieba ta' wara... fost il-kliem ħażin u elf aġġettiv ieħor tax-xufier.
Fuq din, tlaqna nixtru maqrut!
Niftakar sew dak kollhu li qedt, x'memorji u nostalgija gibtilna Prosit tssew
ReplyDelete